ARMS: Qis li tħallsu l-kontijiet tad-dawl qabel tixtru l-propjetà

Waqt li qed titfassal skema biex jinqatgħu kemm jista’ jkun mill-€160 miljun li l-ARMS għandha tiġbor għall-kontijiet tad-dawl u l-ilma li ma tħallsux, l-ARMS fakkret ukoll fl-obbligi ta’ min jixtri propjetà li għandu jara li ma jkunx hemm kontijiet pendenti fuq l-indirizz il-ġdid tiegħu.

F’intervista ma’ tvm.com.mt, l-Aġent Kap Eżekuttiv tal-ARMS Carmen Ciantar qalet ukoll li qed isiru diskussjonijiet maż-żewġ partiti dwar arretrati akkumulati li għandhom jagħtu.

Il-kumpanija ARMS li toħroġ il-kontijiet tad-dawl u l-ilma għandha tiġbor għexerien ta’ miljuni ta’ ewro mingħand klijenti li waqgħu lura fil-ħlas.

Il-Ministru tal-Enerġija Konrad Mizzi indika li l-arretrati kienu jilħqu l-€160 miljun. L-aġent Kap Eżekuttiv tal-ARMS Carmen Ciantar qalet lil tvm.com.mt li dan l-ammont beda jitnaqqas, waqt li indikat li ser titħabbar skema biex il-klijenti li għandhom arretrati jirregolarizzaw ruħhom.

L-Aġent Kap Eżekuttiv tal-ARMS qalet li s-sitwazzjoni tal-kontijiet pendenti qed tiġi ndirizzata bl-istess mod mal-individwi u man-negozji. Mistoqsija jekk il-partiti politiċi hux jitqiesu b’xi kejl differenti, is-Sinjura Ciantar qalet li kull klijent qed jitqies l-istess. Kien ġie rrappurtat li l-Partit Laburista għandu jagħti €600,000, filwaqt li l-Partit Nazzjonalista għandu jagħti €1,900,000 lill-ARMS.

Uħud mill-kontijiet pendenti jistgħu jkunu iktar problematiċi meta xerrejja ta’ propjetà ma jkunux għamlu l-verifiki dwar kontijiet pendenti fuq il-propjetà li jkunu xtraw. Hemm każi ta’ xerrejja li sabu ma’ wiċċhom kontijiet ta’ eluf ta’ ewro li iridu jitħallsu għaliex naqsu li jagħmlu l-verifiki meħtieġa.

Is-Sinjura Ciantar qed tinsisti biex flok iħallu l-kont jakkumula, individwi, negozji jew kwalunkwe entità oħra għandhom jikkonsultaw mal-ARMS biex jilħqu kompromess dwar programm ta’ pagamenti biex jevitaw milli jittieħdu l-passi kontrihom.