Politika
Arnold Cassola jirriżenja mill-Alternattiva Demokratika

Arnold Cassola rriżenja minn Alternattiva Demokratika minħabba dawk li fisser bħala “differenzi bejnu u l-Kumitat Eżekuttiv tal- Alternattiva” dwar l-abort.

Il-kwistjoni qamet nhar il-Ġimgħa li għadda bil-Professur Cassola jirreaġixxi għal dikjarazzjoni li għamlet il-kandidat ta’ Alternattiva Mina Tolu u li fiha talbet dibattitu rispettuż dwar l-abort.

Ir-riżenja ta’ Arnold Cassola minn Alternattiva Demokratika ssegwi ittra li nhar il-Ġimgħa bagħat lis-Segretarju Ġenerali tal-partit u tweġiba li rċieva miċ-Chairperson, Carmel Cacopardo.

Il-Professur Cassola talab li l-partit joħroġ stqarrija li fiha jiddiżassoċja ruħu mill-fehmiet personali tal-kandidat Mina Tolu li fiha talbet dibattitu rispettuż dwar l-abort u jafferma ruħu b’mod ċar u inekwivoku li huwa kontra l-abort.

Il-Professur Cassola qal li huwa personalment kontra l-abort minbarra fil-każ li s-saħħa u l-ħajja tal-omm ikunu f’periklu. Madanakollu sostna li mhux kompitu tal-Alternattiva Demokratika li tqajjem dan is-suġġett għad-diskussjoni għax m’hemm l-ebda mandat demokratiku tal-membri dwar dan. Arnold Cassola fisser l-abort bħala “waħda mil-linji l-ħomor tiegħu.”

Ic-Chairperson tal-Alternattiva Demokratika, Carmel Cacopardo, wieġeb lill-Professur Cassola u qallu li l-AD ma għandhiex pożizzjoni dwar l-abort, filwaqt li kienet se tiddiskuti it-talba tiegħu fil-laqgħa li jmiss tal-Eżekuttiv.

It-tweġiba bir-riżenja ta’ Arnold Cassola minn Alternattiva waslet siegħa u nofs wara. Il-Professur Cassola esprima l-ħsieb li jkun aħjar għal Alternattiva Demokratika li tkun ħielsa biex tieħu d-deċiżjonijiet tagħha mingħajr ix-xkiel tal-pożizzjoni minoritarja tiegħu. Huwa tenna li se jkompli l-mixja politika tiegħu waħdu.

Arnold Cassola kien ilu 30 sena jimmilita fl-Alternattiva Demokratika. Kien Chairperson tal-Alternattiva għal seba’ snin. Madwar ħmistax-il sena ilu kien ukoll Segretarju Ġenerali tal-Partit tal-Ħodor Ewropej.

Ara wkoll:

Jitlob lill-AD tiddiżassoċja ruħha mill-fehmiet personali ta’ Mina Tolu

Aħbarijiet Oħra
Kronaka

Charlie, il-kelb tad-Dwana, irnexxielu jxomm u jaqbad passiġġier Yemeni li kien qed iġorr €14,064 fi flus mhux dikjarati. Il-passiġġier kien qed jistenna t-titjira tiegħu lejn l-Istanbul meta twaqqaf mill-uffiċjali tad-Dwana. Bis-saħħa…

Kronaka

Tifel sofra xi ġrieħi wara li ntlaqat minn vettura f’Ħal Qormi. L-inċident seħħ għall-ħabta tan-12.30 fi Triq Manwel Dimech. Minn tagħrif li għandu TVM jirriżulta li t-tifel ittajjar minn karozza…

Kronaka

Sid ta’ karozza qed iwissi lil ħaddieħor biex isakkar il-vetturi  tiegħu wara li ġie misruq minn mara li nqabdet b’filmat tiftaħ u tħarbex f’i ħwejjeġ ħaddieħor. Fil-filmat, il-mara tidher qed tiftaħ…

Aktar