Politika
Arnold Cassola jitlob lill-Kummissarju Elettorali jinvestiga l-Egrant, il-PL iwieġeb

Il-Professur Arnold Cassola talab lill-Kummissarju Elettorali biex jinvestiga jekk il-kumpanija rreġistrata fil-Panama, Egrant, saritx biex jinġabru fondi għall-Partit Laburista.

Il-Professur Cassola qal li qed jitlob din l-investigazzjoni għax il-ġbir ta’ fondi b’dan il-mod imur kontra l-liġi tal-finanzjament tal-partiti.

B’reazzjoni, fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li li t-talba tal-Professur Cassola m’għandha ebda bażi. Intqal li dwar Egrant saret inkjesta maġisterjali li l-konklużjonijiet jeskludu dak li qed jallega l-Professur Cassola.

L-istqarrija tgħid li l-Partit Laburista ilu jippubblika l-accounts tiegħu qabel iddaħħlet il-liġi tal-finanzjament tal-partiti.