Arranġamenti speċjali għall-votazzjoni fl-isptarijiet għar-referendum u l-Kunsilli

Id-Dipartiment tas-Saħħa għarraf li bi qbil mal-Kummissjoni Elettorali, saru diversi arranġamenti sabiex il-votazzjoni minn pazjenti fl-isptarijiet tal-Gvern timxi bl-ordni.

Pazjenti li jkunu għadhom rikoverati fl-isptarijiet fis-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tnejn, 6 ta’ April 2015, għalkemm id-dokument għall-votazzjoni tagħhom juri mod ieħor, se jivvutaw fl-isptarijiet imsemmija.  Il-votazzjoni ser issir il-Ħamis, 9 ta’ April 2015 bejn 7.00 a.m u l-10.00 p.m.

Pazjenti li jiġu rikoverati fl-isptarijiet wara s-sitta ta’ filgħaxija tal-jum tat-Tnejn, 6 ta’ April 2015, kif ukoll pazjenti fl-isptar Boffa ser jivvutaw fil-jum tas-Sibt, 11 ta’ April 2015 fl-ibliet u l-irħula kif indikat rispettivament fuq id-dokument għall-vot tagħhom.

It-tabib inkarigat mill-kura tal-pazjent, se jindika fl-istorja ta’ kull pazjent jekk jistax joħroġ mis-sala biex jivvota u jekk iva, b’liema mezz ta’ trasport.

Il-pazjenti jkollhom l-għażla li jinqdew bis-servizzi li se joffri d-Dipartiment tas-Saħħa sabiex ikunu akkumpanjati sal-post tal-votazzjoni u lura, jew inkella jagħmlu arranġamenti biex ikunu akkumpanjati minn persuna oħra identifikata minnhom minn qabel.

F’kull sptar fejn il-qraba se jwasslu lill-pazjenti huma stess bi trasport privat, ikun meħtieġ li dawn l-istess qraba jitolbu permess bil-miktub minn qabel lill-Amministratur tal-isptar li fih il-pazjent/a hu/hi rikoverat/a.  F’jum il-votazzjoni, jiġifieri is-Sibt, 11 ta’ April 2015, dan il-permess irid jintwera l-ewwel lill-uffiċjal tas-sigurtà tal-isptar sabiex l-individwu jkollu aċċess għall-isptar, u mbagħad lill-uffiċjal inkarigat fl-istess sptar mit-trasport tal-pazjenti.  Biex jiġi ffaċilitat il-proċess u jkun evitat dewmien żejjed, hu mitlub li qraba li jiġbru lill-pazjenti huma nnifishom jagħmlu dan bejn is-siegħa u l-ħamsa ta’ wara nofsinhar.

Fil-każ ta’ pazjenti li joħorġu biex jivvutaw kontra l-parir tat-tabib jew li ma jieħdux il-parir mogħti lilhom rigward il-mezz tat-trasport jew akkumpanjament, ikun meħtieġ li l-pazjent jiffirma dikjarazzjoni li qed jagħżel li jagħmel hekk fuq responsabbilità tiegħu nnifsu. Jekk jagħmel hekk, ikun jista’ jmur b’liema mezz li jagħżel.

Il-pazjenti huma mfakkra li biex joħorġu jivvutaw għandu jkollhom f’idejhom id-Dokumenti għall-Votazzjoni. Il-qraba li għandhom f’idejhom id-dokument għall-votazzjoni tal-pazjenti huma mitluba li jagħtu d-dokument lill-pazjent/a. Saru arranġamenti amministrattivi biex pazjenti li jixtiequ jafdaw id-Dokumenti għall-Votazzjoni f’idejn l-Awtoritajiet tal-Isptar jew f’idejn ic-Chairperson tas-Sottokumitat imwaqqaf apposta mill-Kummissjoni Elettorali, ikunu jistgħu jagħmlu dan filwaqt li tiġi garantita is-sigurtà ta’ dawn id-dokumenti.

Servizzi tas-Saħħa

Fil-jum tal-votazzjoni, is-servizzi tas-saħħa fl-isptarijiet, fl-out-patients, fl-ispiżeriji u fiċ-Ċentri tas-Saħħa se jkomplu għaddejjin bħas-soltu.

Ħinijiet tal-Viżitaturi fil-Jum għall-Votazzjoni

Minħabba li l-Ħamis, 9 ta’ April 2015, se jkun għaddej il-proċess tal-votazzjoni fl-Isptar Mater Dei, l-Isptar ta’ Rijabilitazzjoni Karen Grech, l-Isptar Monte Karmeli u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, il-ħinijiet tal-viżitaturi f’dawn l-isptarijiet se jkunu ristretti għal siegħa, bejn is-19.00 u t-20.00. Dan ma japplikax għall-Isptar Boffa fejn il-ħinijiet tal-viżitaturi se jibqgħu l-istess bħal dawk tas-soltu (bejn 11.30-12.00, 15.30-17.30 u 19.30-20.00).

Nhar is-Sibt, 11 ta’ April 2015, il-ħinijiet tal-viżitaturi fl-isptarijiet kollha se jibqgħu l-istess bħal dawk tas-soltu.

F’każ ta’ problemi u dubji, il-pubbliku hu mitlub jikkomunika mas-sezzjoni tal-Customer Care jew l-amministrazzjoni fl-entità kkonċernata.