Lokali
Arrestat b’rabta ma’ serqa bl-armi f’San Ġwann

Il-Pulizija arrestaw f’karozza f’Tas-Sliema lis-suspettat ta’ serqa li twettqet minn ħanut f’San Ġwann.

Il-każ seħħ l-Erbgħa għall-ħabta tat-tmienja u nofs ta’ filgħaxija meta raġel armat b’arma tan-nar daħal f’ħanut fi Triq in-Naxxar u talab il-flus lill-kaxxiera, żagħżugħa mill-Polonja. Ir-raġel ħarab mill-post b’ammont ta’ flus.

L-allegat ħalliel ġie identifikat u arrestat bil-Pulizija tgħid li hu raġel ta’ 41 sena minn Ħ’Attard. Fi stqarrija tal-korp intqal li l-karozza li kien fiha hi l-istess waħda li allegatament intużat fis-serqa u parti mill-flus misruqa nstabu fir-residenza tiegħu.

L-istħarriġ minn uffiċjali tad-Dipertiment tar-Reati Maġġuri għadu għaddej.