Kronaka
Arrestat b’rabta ma’ vandaliżmu fuq diversi bus stops – għamel ħsara ta’ aktar minn €15,000

Eritrean ta’ 31 sena qiegħed jinżamm taħt arrest fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Furjana, b’rabta ma’ diversi atti ta’ vandaliżmu fuq bus stops madwar Malta.

Kienu xi 01:45, xħin il-Pulizija ġiet infurmata li hemm raġel ikisser bus stop fi Triq Dun Karm, Birkirkara.

Il-Pulizija tad-Distrett marret mill-ewwel fuq il-post iżda ma nstab ħadd ħlief tifrik ta’ ħġieġ. Immedjatament, il-pulizija bdew bit-tfittxija u wara ftit ħin, ġie osservat raġel li kien jaqbel mad-deskrizzjoni li ngħatat.

Hu twaqqaf u waqt li l-pulizija bdew ikellmuh, innutaw li kellu l-qalziet bid-demm. B’hekk, il- pulizija għamlu tfittxija u fil-baskett li kellu wara dahru, instabu ħadida twila u biċċiet ta’ ħġieġ.

Minn iżjed investigazzjonijiet li saru mill-Iskwadra tar-Reati Maġġuri, irriżulta li l-istess raġel, tul dan ix-xahar, allegatament ivvandaliżża 13-il bus stop, uħud iżjed minn darba, madwar Malta – il-Marsa, Ħal Luqa, Wied il-Għajn, il-Ħamrun, Ħal Lija, San Pawl il-Baħar, Burmarrad, iċ-Ċirkewwa u l-Mellieħa – u għamel ħsara ta’ aktar minn €15,000.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.