Kronaka
Arrestat ir-raġel akkużat li daħal jisraq u sawwat anzjan

Għada se jittressaq il-qorti r-raġel li jinsab akkużat li daħal jisraq minn ħanut ta’ anzjan ta’ 72 sena.

Il-każ seħħ kmieni dan ix-xahar fix-Xatt tal-Imsida.

TVM huwa infurmat li l-ħalliel, raġel ta’ 42 sena ġie arrestat ilbieraħ filgħaxija f’Birkirkara fejn instab ġo garaxx.

Għall-ewwel l-anzjan kien ipprova jirreżisti lill-ħalliel. Kif ra hekk, il-ħalliel qabad ħadida li sab fil-ħanut u beda jxejjirha fuq ras l-anzjan. Minkejja l-aggressjoni vjolenti, l-anzjan baqa’ jirreżisti u ż-żewġ persuni jispiċċaw barra fuq il-bankina, bil-ħalliel ikompli jagħtih fuq rasu. Malli l-anzjan waqa’ fuq il-bankina f’għadira demm, il-ħalliel daħal jiġri fil-ħanut u mill-cash-register seraq madwar €500. Huwa ħarab minn fuq il-post u ħalla lil sid il-ħanut fl-art.

L-arrest sar mill-Pulizija tal-Għassa tal-Imsida flimkien mal-RIU u d-Dipartiment tal-Investigazzjonijiet Kriminali.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Anzjan l-isptar wara li qala’ daqqiet ta’ ħadida f’rasu