Kronaka
AĠĠORNAT: Jinżamm arrestat raġel b’rabta ma’ allegat attività sesswali ma’ minuri

Pakistani ta’ 32 sena li joqgħod Raħal Ġdid baqa’ miżmum arrestat wara li llum ġie akkuzat li abbuża sesswalment minn tifel ta’ 10 snin. Allegatament l-abbuż twettaq fid-dar tal-akkużat wara li huwa ħa lit-tifel fid-dar tiegħu.

Asher Anwer ċaħad l-akkużi kontrih. Huwa ġie mixli li fuq perjodu ta’ sena sa dan ix-xahar huwa wettaq dawn l-atti mingħajr il-kunsens tat-tifel.

Anwer, li ffaċċja tmien akkużi b’kollox, ġie mixli wkoll li xerred materjal indiċenti fuq persuna vulnerabbli.

Il-Qorti ma laqgħetx talba għall-ħelsien proviżorju mill-arrest, fosthom għax baqa’ xhieda pajzana li għad iridu jixhdu, in-natura tar-reati u l-fatt li l-viża tal-akkużat waslet biex tiskadi.