Lokali
Arrestat raġel ieħor b’rabta mal-qtil doppju

Matul il-lejl li għadda l-Pulizija arrestat raġel ieħor li sorsi qalu li huwa t-tieni suspettat fil-qtil doppju ta’ Chris Pandolfino u Ivor Maciejowski.

L-arrest seħħ tard filgħaxija għall-ħabta tal-11pm fil-Gżira. Dan l-iżvilupp seħħ wara li lbieraħ l-Albaniż ta’ 25 sena, Daniel Muka li ġie arrestat jumejn ilu fil-Floriana beda jiġi interrogat mill-Pulizija u mhux eskluż li żvela aktar dettalji u ismijiet. Illum Daniel Muka mistenni jitressaq il-Qorti.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li kellha informazzjoni li persuna involuta f’dan id-delitt kien qed jistaħba ġewwa lukanda fil-Gżira. Wara ħin fuq il-post isegwu l-movimenti tiegħu, il-post ġie ċċirkondat u bdiet l-operazzjoni. Malli r-raġel induna bil-preżenza tal-Pulizija huwa pprova jaħrab iżda kien arrestat immedjatament.  Ir-raġel qiegħed jinżamm għal aktar stħarriġ, filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija fuq dan il-każ għadhom għadejjin.

Intant fuq Facebook, il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri qal li jinsab sodisfatt immens bir-rieda u d-determinazzjoni li qed juri l-Korp tal-Pulizija fit-twettiq tal-ħidma tiegħu.

Ara wkoll: