Kronaka
Ħabs wara li ammetta li seraq minn diversi postijiet

Raġel ta’ 45 minn Birkirkara li qatta’ sitt ġimgħat mistoħbi biex jiżgiċċa lill-pulizija, intbagħat tlett snin ħabs u mmultat €116 spejjeż tal-Qorti.

Pierre Buttigieg kien imfittex mill-pulizija b’rabta ma’ kullana ta’ każijiet ta’ serq minn pompi tal-petrol, serq minn vetturi u serq ieħor fosthom hold-up li sar f’ħanut f’Bormla ħmistax ilu.

Buttigieg ammetta l-akkużi bil-qorti tordna wkoll li jitqiegħed fuq trattament għall-vizzju tad-droga.

Il-pulizija qalet li arrestat lir-ragel wara ħidma kkordinata bejn il-Pulizija tad-distrett taż-Żejtun u tad-Dipartiment tal-investigazjonijiet Kriminali. Il-ħidma waslet biex ilbieraħ ġiet iċċirkondata residenza fiż-Żurrieq fejn kien qed jistaħba. Huwa mifhum li pprova jaħrab minn fuq il-bjut iżda l-pulizija rnexxielha taqbdu u tarrestah.