Kronaka
Arrestat raġel wara li beda jaġixxi b’mod suspettuż waqt roadchecks f’Raħal Ġdid

Raġel ta’ 32 sena ġie arrestat waqt roadchecks li kienu qegħdin jagħmlu l-Pulizija tad-Distrett. Huwa inqabad fil-pussess ta’ sustanza illegali, allegatament droga.

Matul il-lejl li għadda, waqt li l-Pulizija tad-Distrett ta’ Raħal Ġdid kienu qegħdin jagħmlu roadchecks fi Triq il-Perit Dom Mintoff f’Raħal Ġdid, waqqfu vettura tal-għamla Volkswagen Up biex tiġi spezzjonata. Waqt li l-pulizija bdew jitkellmu max-xufier, innutaw li hu flimkien mal-passiġġier – raġel Taljan ta’ 34 sena – bdew jaġixxu b’mod suspettuż.

Għaldaqstant saret tfittxija fil-vettura fejn fil-bieba tan-naħa tax-xufier u mdendlin maċ-ċwievet tal-vettura instabu pakketti b’sustanza suspettata droga kokaina, kif ukoll basket li kien fih ammont ta’ flus kontanti.

Ir-raġel ittieħed fl-Għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid u aktar tard ġie skortat lejn il-lockup fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.