Lokali
Arrestat wara li ħebb għal anzjan ta’ 75 sena u ħallih midrub fl-art f’Santa Venera

Ħidma konġunta bejn il-Pulizija tal-Iskwadra tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett tal-Ħamrun, wasslet għall-arrest ta’ raġel ta’ 54 sena b’rabta ma’ każ ta’ aggressjoni u serqa fuq anzjan f’Santa Venera.

Il-każ seħħ fis-7 ta’ Mejju li għadda, meta għall-ħabta tal-ħdax u nofs ta’ filgħaxija, il-Pulizija ġiet infurmata li f’Misraħ il-Barrieri, Santa Venera, hemm anzjan mixħut fl-art.

Il-Pulizija tad-Distrett tal-Ħamrun marru mill-ewwel fuq il-post fejn sabu raġel ta’ 75 sena b’feriti f’rasu u b’hekk intalbet għall-assistenza medika.

Minn stħarriġ li sar irriżulta li waqt li kien miexi, xi ħadd ħebb għalih, waqqgħu fl-art u seraqlu l-kartiera li fiha kien hemm xi flus.

Wara diversi jiem ta’ investigazzjonijiet u analiżi ta’ numru ta’ filmati minn kameras tas-sigurtà, il-Pulizija rnexxielha tidentifika l-allegat ħalliel u ġie arrestat fl-aħħar sigħat.
Huwa qiegħed jinżamm fil-lock-up tal-Pulizija fil-Kwartieri Ġenerali, il-Floriana, fejn mistenni jitressaq il-Qorti llum għal xis-siegħa u nofs ta’ waranofsinhar quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Dr Marseann Farrugia.