Lokali
AĠĠORNAT: Iħebb għal 2 Pulizija wara li kisser ħġieġ ta’ karozzi f’San Pawl il-Baħar

Raġel ta’ 25 sena min-Niġerja qed jinżamm arrestat mill-Pulizija b’rabta ma’ vandaliżmu ta’ xejn inqas minn ħames karozzi f’San Pawl il-Baħar.

Il-każ seħħ ilbieraħ ilbieraħ għall-ħabta tal-11.30pm, meta r-raġel beda jkisser b’ħadida għadd ta’ windscreens ta’ karozzi pparkjati fi Triq Cassarino, San Pawl il-Baħar. Huwa nqabad b’ħadida twila f’idejh u kellu fuqu wkoll sikkina twila u ħadida oħra.

Il-Pulizija kkonfermat ma’ tvm.com.mt li r-raġel ġie arrestat ftit wara li ntalbet l-assistenza tal-pulizija mill-Għassa tal-Qawra u l-assistenza tal-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit

Residenti li tkellmu magħna qalu li r-raġel ġie arrestat fuq iz-zuntier tal-knisja tal-Qawra wara li l-Pulizija kienet kostretta tuża l-pepper-spray. Dan wara li r-raġel irreżista l-arrest u gidem uffiċjal tal-pulizija. Waqt l-arrest huwa għamel ħsarat fuq vettura tas-servizz u żewġ kuntistabbli tar-RIU sofrew ġrieħi li aktar tard ġew iċċertifikati bħala ġrieħi ħfif.

Ir-raġel qed jinżamm arrestat fil-lock up tal-Pulizija, il-Furjana filwaqt li l-Pulizija għaddejja bl-investigazzjonijiet.