Arrestata mart l-aggressur li qatel 49 fi klabb tal-gays fi Florida

Mart Omar Mateen, li s-sena li għaddiet qatel 49 persuna fi klabb tal-gays fi Florida, ġiet arrestata f’San Francisco.

Huwa ssuspettat li Noor Salman għenet lil żewġha fl-attakk li wettaq fit-12 ta’ Ġunju, u se tkun estradita lejn Florida biex twieġeb għall-akkużi f’dan l-istat. Hija kienet diġà ġiet interrogata mill-pulizija ftit wara l-attakk, fejn kienet qalet li żewġha kien ilu madwar sena li ġie radikalizzat.

Omar Mateen ta’ 29 sena kien inqatel mill-pulizija wara li wettaq l-attakk, li minbarra 49 vittma ħalla wkoll 53 feruti, hekk kif dam għaddej madwar tliet sigħat. Huwa qal li kien qed iwettaq l-attakk f’isem l-Istat Iżlamiku.

Mateen kien diġà ġie mitkellem mill-FBI darbtejn fl-2013, wara li kien irrappurtat li qal lill-kollegi tax-xogħol li għandu rabtiet mal-IS, madankollu ma kienet instabet l-ebda evidenza.

Missier Mateen qal li ibnu beda jirrabja ħafna meta darba ra żewġt irġiel jitbewsu f’Miami. Mill-investigazzjonijiet ħareġ li Mateen spiss kien imur fil-klabb fejn wettaq l-attakk, u anki kien f’kuntatt ma’ rġiel omosesswali fuq dating apps.

Dan wassal lill-investigaturi biex jissuspettaw li seta’ kien frustrat minħabba li s-sesswalità u t-twemmin fundamentalista tiegħu kienu f’kunflitt.