Arrestati 12 fil-Belġju f’operazzjoni kontra t-terroriżmu

Kważi tliet xhur wara l-attakki terroristiċi fil-Belġju, l-pulizija arrestat 12-il persuna f’operazzjoni kbira kontra t-terroriżmu.

L-arrestati huma suspettati li kkomplottaw l-attakk terroristiku. Huma kienu fost 40 persuna li ġew interrogati. Saru tfittxijiet f’16-il muniċipalitajiet, l-akbar madwar Brussell u rejd f’152 garaxx.

Fit-22 ta’ Marzu, attakki bil-bombi ħallew 32 persuna mejta fl-ajruport ta’ Brussel u fi stazzjoni tal-metro. Il-prosekutur federali Belġjan qal li ma nstabu l-ebda armi jew splussiv waqt it-tfittxijiet li saru mingħajr l-ebda inċident.

Fost iż-żoni li fihom saret tfittxija kien hemm Molenbeek, distrett fi Brussell li sar famuż minħabba l-assoċjazzjoni mal-jihadisti. L-operazzjoni saret wara li l-investigazzjonijiet wrew li hemm ħtieġa immedjata għal intervent. Madankollu l-Gvern Belġjan m’għolliex il-livell ta’ theddid.

Ġie irrapportat li l-pulizija Belġjana dan l-aħħar irċeviet twissija li grupp ta’ militanti mill-grupp li jsejjaħ lilu nnifsu Stat Iżlamiku, telaq mis-Sirja u jinsab fi triqtu lejn l-Ewropa biex jippjana attakki ġodda fil-Belġju u fi Franza. Ingħad li l-grupp telaq mis-Sirja madwar ġimgħa u nofs ilu bit-tir li jidħol fl-Ewropa mit-Turkija u l-Greċja bid-dgħajjes mingħajr passaporti.