Lokali
BIL-FILMAT: Malti arrestat f’raid tal-Pulizija Taljana – misjuba aktar minn 10 tunnellati droga

Malti huwa fost il-persuni arrestati mill-Pulizija Taljana wara s-sejba ta’ aktar minn għaxar tunellati raża tal-kannabis abbord bastiment. Huma ġew interċettati fuq il-baħar, fil-Mediterran. F’komunikat, il-Guardia di Finanza qalet li l-valur fis-suq tad-droga jlaħħaq l-għoxrin miljun Ewro u rreferiet għall-Malti arrestat bħala membru ta’ organizazzjoni kriminali Maltija.

Uffiċjali tal-Guardia di Finanza wettqu b’suċċess operazzjoni mill-ajru u mill-baħar kontra t-traffikar tad-droga fil-Mediterran.

L-uffiċjali rnexxielhom iwaqqfu l-bastiment Quest, reġistrat fl-Olanda u li kien jintuża għas-sajd, waqt li dan kien qed ibaħħar mal-130 mil fix-xlokk ta’ Sqallija. Huma kienu ilhom madwar 40 siegħa jsegwu l-movimenti tal-bastiment fil-Mediterran. L-arrestati huma l-membri kollha tal-ekwipaġġ, disa’ b’kollox. Wieħed mill-arrestati hu ċittadin Malti. Il-kumplament huma: Rumen, żewġ Ukreni, żewġ Eġiżżjani, Olandiż, Tork u Sqalli. L-Isqalli kien membru ta’ korp dixxiplinat li tkeċċa riżultat ta’ investigazzjoni dwar serq.

F’komunikat uffiċjali, il-Guardia di Finanza stess qalet li l-bastiment telaq minn Malta, bid-droga tgħabbiet fuq il-baħar wara laqgħa ma’ traffikanti lil hinn mill-kosta tal-Marokk u l-Alġerija. Jidher li d-droga kienet ser titwassal il-Libja, fejn issemmiet il-belt ta’ Tobruk bħala destinazzjoni. Rapporti fil-midja Taljana żiedu jgħidu li hemm suspetti li minn hemmhekk id-droga kellha tibqa’ sejra lejn l-Eġittu u titla’ lejn il-Balkani.

Id-droga nstabet moħbija f’kompartiment abbord li kien jintuża bħala friża. Il-bastiment iddaħħal fil-Port ta’ Katanja u d-droga tgħabbiet f’kontejner taħt sigurtà stretta.

Il-Guardia di Finanza qalet li tnejn mill-arrestati, fosthom il-Malti, jiffurmaw parti minn organizazzjoni kriminali Maltija, li qalu hi mmexxija minn traffikant magħruf. Żiedet tgħid li li fis-sajf li għadda dawn iż-żewġ persuni kienu diġà ġew arrestati mill-Pulizija Spanjola dwar ġarr ta’ kwantità ta’ sigaretti tal-kutrabandu.

Il-valur fis-suq tad-droga maqbuda hu stmat li jlaħħaq sa għoxrin miljun Ewro.