Barranin
Arrestati 44 raġel b’rabta ma’ ċirku ta’ pedofelija fl-Awstralja

Il-Pulizija Awstraljana arrestat 44 raġel madwar il-pajjiż, li huma ssuspettati li kienu involuti f’ċirku ta’ pedofelija. Dan wassal biex jiġu salvati 16-il tifel u tifla mill-abbuż.

L-arresti saru wara investigazzjoni li ħadet sena, fejn il-pulizija analizzaw filmati u ritratti li xxerrdu fuq l-internet permezz ta’ pjattaforma ta’ cloud storage.

Il-Kummissarju Reece Kershaw qal li f’każijiet bħal dawn l-investigaturi jaħdmu f’ġirja kontra l-ħin biex isalvaw it-tfal, fejn janalizzaw il-materjal pixel b’pixel biex isibu ħjiel tas-suspettat.

B’kollox saru 350 akkuża fil-konfront tal-irġiel li għandhom bejn 19 u 57 sena. Intqal li dawn jaħdmu fil-qasam tal-kostruzzjoni, it-trasport, l-infurzar tal-liġi u l-ospitalità.