FILMAT: Arrestati disa’ Kroati oħra f’Pembroke – jinstab ġebel u ħadid fl-appartament

Sigħat biss qabel il-partita bejn Malta u l-Kroazja, l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit u tad-Distrett, irnexxielhom jarrestaw 15-il partitarju Kroat li allegatament kienu involuti f’żewġ ġlidiet li seħħew il-Ħadd bil-lejl fil-Bajja ta’ San Ġorġ u sbieħ it-Tlieta fil-għodu f’Paceville.

tvm.com.mt segwa mill-qrib l-arresti ta’ disa’ partitarji it-Tlieta waranofsinhar minn guest-house f’Pembroke. Mill-kamra fejn kienu qed joqgħod, il-Pulizija elevaw numru ta’ banners mimlijin provokazzjoni, kif ukoll ħadid u ġebel, li huwa maħsuba li kienu beħsiebhom jeħduhom l-Istadium Nazzjonali ta’ Ta’ Qali, biex jintimidaw il-partitarji Maltin qabel il-logħba. Apparti dan instabet ukoll ġakketta mċappsa bid-demm, x’aktar ta’ wieħed mill-Kroati li kien involut f’waħda mill-ġlidiet. Kemm fl-appartament kif ukoll barra kien hemm numru kbir ta’ bottijiet tal-birra vojta.

L-arresti tad-disa’ Kroati saru sigħat biss wara li l-Pulizija arrestaw sitt Kroati oħra li matul il-lejl għamlu ħerba sħiħa f’Paceville. Filmat mibgħut lil tvm.com.mt juri għadd ta’ persuni jiġġieldu u jwaddbu l-fliexken u s-siġġijiet fid-direzzjoni ta’ xulxin u faċċati ta’ stabbiliment f’Paceville. Xhieda fuq il-post qalu li l-ġlieda nqalgħet għall-ħabta tas-1.00 a.m. bejn partitarji Kroati ma’ uffiċjali tas-sigurtà li huma ta’ nazzjonalita Serba. L-istess sorsi qalu li fil-ġlieda kienu involuti madwar 30 persuna.

Fi stqarrija il-Pulizija qalet li l-ġlieda bdiet f’Santa Rita Steps u kompliet fi Triq San Ġorġ. Kien hawn li l-ġemgħa ta’ nies bdew iwaddbu siġġijiet, fliexken u tazzi lejn xi uffiċjali tas-sigurtà ta’ postijiet ta’ divertiment sakemm is-sitwazzjoni ġiet ikkontrollata mill-pulizija.

L-awtoritajiet intant ħejjew pjan ta’ sigurta għal partita Malta u Kroazja fl-Istadium Nazzjonali f’Ta’ Qali.  Dwar dan hemm ftehim bejn l-assoċjazzjonijiet tal-football Maltija u Kroata u l-Pulzija taż-żewġ pajjiżi biex ebda partitarju Kroat ma se jitħalla jidħol fil-ground. Sorsi infurmati qalu lil tvm.com.mt li ġew Malta mal-400 Kroat għal-logħba għall-kwalifikazzjoni tal-Euro 2016. Id-deċiżjoni ttieħdet wara li f’Settembru 2005, Ta’ Qali kien ra xena ta’ inċidenti vjolenti fi tmiem il-logħba hekk kif il-partitarji Kroati kienu ħaduha bi kbira li l-Maltin żammuhom draw u spiċċaw ikissru s-siġġijiet u garawhom lejn il-Pulizija.