Kronaka
Arrestati tliet żgħażagħ fuq it-tkissir tal-istatwa ta’ Sant’ Antnin f’Wied il-Għajn

Tliet żgħażagħ ġew arrestati b’rabta ma’ att vandalu li sar fuq statwa reliġjuża li fil-Park tal-Familja ta’ Wied il-Għajn.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li wara jiem ta’ investigazzjonijiet il-Pulizija identifikat ġuvni Franċiż ta’ 19-il sena, ġuvni Ingliż ta’ 18-il sena u tfajla Maltija ta’ 17-il sena, li huma ssuspettati li wettqu dan ir-reat.

It-tfajla ġiet arrestata lbieraħ filgħaxija, waqt li ż-żewġ ġuvnitur ġew arrestati llum wara nofsinhar.

Mill-investigazzjonijiet li saru rriżulta li l-każ seħħ fis-6 ta’ Ottubru li għadda, f’xi d-9.30 ta’ filgħaxija.

L-istatwa, li tinsab fuq iz-zuntier tal-kappella ddedikata lil Sant’ Antnin ta’ Padova, ġiet ivvandalizzata, billi kemm ras l-istatwa Sant’Antnin, kif wkoll ras u jdejn l-istatwa tal-Bambin, tqaċċtu minn posthom.

L-istatwa ta’ Sant’Antnin taqa’ taħt l-Att Dwar il-Patrimonju Kulturali, u l-investigazzjonijiet tmexxew mit-Taqsima tal-Patrimonju Kulturali fi ħdan l-Iskwadra tar-Reati Maġġuri tal-Pulizija.

Ara wkoll:

Ivvandalizzata l-istatwa ta’ Sant’ Antnin fil-park ta’ Wied il-Għajn