Lokali
AĠĠORNAT: Ippruvaw jisparaw lill-Pulizija li marru jarrestawhom fuq is-serqa ta’ Tignè

Żewġ persuni ġew arrestati fuq is-serqa li saret mill-ħanut ta’ Diamonds International fil-5 t’Ottubru li għadda f’Tignè.

L-arrest sar għall-ħabta tal-11.30 ta’ billejl mill-Pulizija tal-RIU, li osservaw żewġ irġiel suspettużi fi Triq il-Bajja, San Ġiljan.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li meta ż-żewġ Albaniżi ġew infurmati bl-arrest, wieħed minnhom ħareġ arma tan-nar u ppuntaha lejn iż-żewġ Pulizija, filwaqt li pprova jagħfas il-grillu bosta drabi, però ma ġie sparat l-ebda tir.

Il-Pulizija rnexxielha tarresta liż-żewġ persuni, li għandhom 25 u 26 sena u dawn ittieħdu ġewwa l-Kwartieri Ġenerali tal-Puliziija għall-iżjed stħarriġ.

Iż-żewġ membri tar-Rapid Intervention Unit ittieħdu fiċ-Ċentru tas-Saħħa tal-Furjana, fejn ġew iċċertifikati li qed isofru minn ġrieħi ħfief, kif ukoll xokk.

Fil-hold-up ta’ Tignè kienu involuti tliet persuni; tnejn li daħlu jisirqu b’arma u ieħor li saq il-karozza mill-parkeġġ ta’ Tignè Point. Waqt il-hold-up kien aggredit ħaddiem tas-sigurtà li sofra ġrieħi f’rasu b’daqqa t’arma.

Il-Pulizija kkonfermat ma’ tvm.com.mt li fost ż-żewġ persuni maqbuda mhemmx l-Albaniż Ramazan Hysa, li tiegħu l-Pulizija ppubblikat ritratt, u dan għadu qed jiġi mfittex.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan il-każ għadhom għaddejjin.

Ara wkoll:

ARA: Żewġ persuni feruti waqt hold-up minn ħanut f’Tas-Sliema

Albaniż imfittex mill-Pulizija fuq is-serqa minn Tignè