Lokali
Arrestati żewġ persuni b’rabta ma’ 11-il serqa

Żewġ persuni ġew arrestati b’rabta ma’ sensiela ta’ serq. Dan wara investigazzjoni konġunta bejn il-Pulizija tad-Dipartiment tar-Reati Maġġuri u tad-Distrett ta’ Raħal Ġdid.

Fi stqarrija, il-Pulizija qalet li l-allegati reati seħħew bejn Frar u April, 2021, fost oħrajn minn djar, garaxxijiet u ristoranti, fil-Fgura, il-Kalkara, il-Birgu, Raħal Ġdid, Ħaż-Żabbar, Wied il-Għajn u ż-Żejtun.

Wara jiem ta’ osservazzjoni, nhar l-erbgħa filgħaxija, il-pulizija arrestaw raġel ta’ 41 sena u ieħor ta’ 34 sena, li allegatament wettqu bejniethom 11-il serqa, fosthom żewġ holdups.

Huma se jitressqu l-Qorti llum quddiem il-Maġistrat tal-Għassa Ian Farrugia, mill-Ispetturi Lydon Zammit u Stephen Gulia mid-Dipartiment tar-Reati Mġġuri u l-Ispettur Sarah Kathleen Zerafa mid-Distrett ta’ Raħal Ġdid.