Kronaka
Arrestati żewġ qassisin fuq allegat stupru ta’ abbati – se jitressqu l-Qorti t’Għawdex

Il-Pulizija arrestat żewġ membri tal-kleru b’rabta ma’ allegat stupru u korruzzjoni ta’ tifel.

Fi stqarrija l-Pulizija qalet li l-arrest sar wara diversi jiem ta’ investigazzjonijiet, bil-Pulizija mill-Iskwadra ta’ Kontra l-Vizzji li ġabret biżżejjed provi biex tkun tista’ tipproċedi kriminalment fil-konfront ta’ żewġ qassisin.

Intqal li l-allegati abbużi seħħew diversi snin ilu, meta l-allegat vittma kien abbati.

Iż-żewġ persuni kienu arrestati lbieraħ, filwaqt li llum kienu interrogati fit-tul fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija.

Il-każ beda jiġi investigat mill-Pulizija wara rapport li sar lis-Safeguarding Commission fi ħdan il-Kurja.

Iż-żewġ membri tal-kleru se jkunu qegħdin jitressqu l-Qorti t’Għawdex għada filgħodu quddiem il-Maġistrat Monica Vella.

Ara wkoll:

Wara l-arrest ta’ żewġ qassisin, il-Knisja tħeġġeġ lil kull min jaf b’abbuż biex jitkellem