Lokali
Arresti Marsa: Jittellgħu oġġetti mill-baħar li jistgħu jservu ta’ prova

Hekk kif il-forzi tal-ordni għadhom attivi bl-investigazzjonijiet tagħhom wara l-arrest ta’ 10 t’irgiel b’rabta mal-assasinju ta’ Daphne Caruana Galizia, ġew imxandra wkoll il-filmati tal-operazzjoni li wasslet għal numru ta’ arresti fl-inħawi tal-Menqa l-Marsa. Il-ħidma kompliet tul il-ġurnata kollha f’inħawi oħra ta’ Malta, bl-aħħar sigħat kienu kruċjali għall-Pulizija biex bil-provi li ġabru minn ġimgħat ta’ investigazzjonijiet ikunu f’pożizzjoni li jgħaqqdu l-bosta truf tal-każ bit-tama li fil-ħin li ġej iressqu l-ewwel persuni il-qorti u jixluha bil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.

Se jittressqu bejn 3 u 4 persuni l-Qorti

Fil-ħin illi ġej, il-Pulizija mistennija jressqu l-Qorti, possibilment bejn tlieta u erba’ persuni minn fost l-għaxra li ġew arrestati lbieraħ u jkunu akkużati li qatlu lill-ġurnalista Daphne Caruana Galizia. S’issa l-uniċi ismijiet li ssemmew u li x’aktarx ikunu fost dawk li jitressqu l-Qorti huma l-aħwa Alfred Degiorgio magħruf bħala “il-Fulu” u George Degiorgio “iċ-Ċiniż, kif ukoll Vince Muscat magħruf bħala l-“Koħħu.

L-aħwa Degiorgio, it-tnejn li huma magħrufa sew mal-Pulizija, u kemm-il darba ġew interrogati dwar reati kriminali relatati fost oħrajn ma’ serq u droga. It-tliet irġiel fil-passat issemmew mal-każ mal-attentat ta’ serqa mill-bank HSBC ta’ Ħal Qormi fl-2010. Waqt li l-Koħħu kien tressaq il-Qorti akkużat b’dan il-każ, l-aħwa Degiorgio kienu implikati fih, iżda qatt ma tressqu.

Sorsi infurmati qalu li kontra it-tliet persuni, l-pulizija ghandha f’idejh provi qawwija b’riżultat ta’ investigazzjonijiet fit-tul li saru fl-aħħar ġimgħat anke bl-għajnuna ta’ esperti barranin.

Għaddasa tal-Forzi Armati jtellgħu xi oġġetti mill-baħar

Wara aktar minn 24 siegħa mill-operazzjoni fil-Marsa, numru ta’ uffiċjali tal-Pulizija u membri tal-Forzi Armati għadhom qed jgħassu l-imħażen fejn sar l-arrest ta’ wħud mill-persuni suspettati. Sorsi li tkellmu ma’ tvm.com.mt qalu li fis-sigħat ta’ wara l-arrest, għaddasa tal-Forzi Armati tellgħu xi oġġetti mill-baħar li jistgħu jservu bħala evidenza f’dan il-każ.

Wara l-operazzjoni delikata, imma kkordinata bl-ikbar reqqa bejn l-Pulizija Maltija, il-Forzi Armati ta’ Malta u s-Servizzi Sigrieti Maltin ixxandar il-filmati ta’ din l-operazzjoni tal-arresti fl-akwati tal-Menqa fil-Marsa. Sorsi qrib il-Europol qalu lil tvm.com.mt li permezz ta’ analizi ta’ informazzjoni relatata ma’ kriminalità organizzata, saret l-operazzjoni tal-arresti.

Il-konferma tal-ewwel arresti ngħatat mill-Prim Ministru Joseph Muscat f’konferenza tal-aħbarijiet ilbierah filghodu. Huwa qal li l-persuni ġew arrestati fuq suspetti raġjonevoli. Żied jgħid li l-operazzjoni kienet ilha ppjanata diversi jiem u skattat meta l-forzi tal-ordni dehrilhom li kien l-aħjar mument.

Il-ġurnal The Times qed jirraporta li l-pulizija għandha, fost affarijiet oħra, evidenza li torbot liż-żewġ suspettati ewlenin mal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia. Din l-evidenza ta’ sistemi ta’ kommunikazzjoni allegatament tkopri il-jiem ta’ qabel u wara li seħħ id-delitt.

Ara wkoll:

ARA: Il-Menqa taħt għassa stretta

Aħbarijiet Oħra
Lokali

Malti li fil-gwerra tal-Iraq serva bħala suldat fl-armata Ingliża jistqarr li dak il-perjodu affettwah tant li billejl ġieli ma jkunx jista’ jagħlaq għajn m’għajn. Marc James, li għandu 33 sena,…

Lokali

L-Isptar Malti fil-Ghana qed jaħdem biex jifrex aktar is-servizzi li joffri, fosthom fil-kura għal żewġ tipi ta’ kanċer li jolqtu lin-nisa u operazzjonijiet delikati lit-tfal. Ħidmet l-isptar hi bbażata fuq…

Lokali

Colin Muscat ta’ 36 sena mill-Mosta tilef ħajtu llum fl-Isptar Mater Dei wara li ndarab ilbieraħ fl-isplużjoni tal-kamra tan-nar. Huwa miet wara li ġarrab 90% ħruq f’ġismu. L-isplużjoni seħħet għall-ħabta…

Lokali

Ilejla fuq Canale 5 se jixxandar it-tmien programm tas-serale ta’ Amici 17. Minjaf min se joħroġ rebbieħ jekk hux l-iskwadra blu jew l-iskwadra bianca? Emma ser tkun qed tkanta għall-Iskwadra…

Aktar