Lokali
Art mitluqa f’Kordin se tinbidel fi grawnd għall-futbol u r-rugby

Art abbandunata f’Kordin se tinbidel fi grawnd għall-futbol u r-rugby. Il-grawnd se jinbena b’investiment ta’ €2.6 miljun, u se jinkludi għadd ta’ faċilitajiet. Il-proġett se jsir minn Projects Malta, li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tal-Ministeru tat-Turiżmu.

Art ħdejn il-grawnd tal-Hibs tinsab ingumbrata b’kull tip ta’ skart – saqqijiet, terrapin, fliexken tal-plastik, boroż, ħadid u skart ieħor. Jispikkaw ħamest iċmieni tal-power station li kienet tipprovdi l-elettriku lit-Tarzna fi żmien is-servizzi Ingliżi.

Is-sena d-dieħla, Projects Malta se tinvesti €2.6 miljun biex din l-art b’medda ta’ 15,000 metru kwadru, tinbidel fi grawnd bl-aqwa faċilitajiet għall-futbol u r-rugby, li se jkun jesa’ mal-500 spettatur.

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Projects Malta, James Camenzuli qal lil tvm.com.mt li l-applikazzjoni għall-permess għall-bini tal-grawnd se tiġi ppreżentata fl-aħħar ta’ dan ix-xahar. Huwa qal li huwa fiduċjuż li x-xogħol jibda s-sena d-dieħla.

“L-ewwel fażi tikkonsisti billi jsir il-grawnd bit-turf, il-fencing u ġibjun sabiex ikun jista’ jissaqqa l-grawnd, u dan għandu jitlesta s-sena d-dieħla. It-tieni fażi tikkonsisti f’parkeġġ u stand għall-ispettaturi u tinda. Dan se jibda fil-bidu tal-2019, u se jitlesta madwar tmintax-il xahar wara,” spjega Camenzuli.

Il-Viċi-President tal-Malta Rugby Football Union, Joseph Borda, stqarr li dan il-proġett ilu mistenni mid-dilettanti tar-rugby aktar minn 25 sena. “Nista’ ngħidlek li din se tkun iċ-ċavetta tagħna fejn se nkunu nistgħu nkabbru u nimirħu, biex l-isport tant hekk popolari u li jġib unuru għal Malta nkomplu ninvestu fih, u nħeġġu aktar żgħażagħ għax meta jkollok kumpless komplut, se tiġbed aktar żgħażagħ.”

Fl-aħħar snin, ir-rugby sar fost l-aktar sports Malti li qed jikseb suċċess, anke fuq livell internazzjonali. Fil-fatt, f’Malta hawn disa’ timijiet tar-rugby li jilagħbu f’żewġ diviżjonijiet. Sal-lum, ħafna mil-logħob tar-rugby isir fil-faċilitajiet sportivi tal-Marsa.

Aħbarijiet Oħra
Knisja Maltija

Riċerka ppubblikata fl-aħħar jiem tixħet dawl dwar l-ewwel attentati għas-separazzjoni tal-poteri bejn Stat u Knisja f’Malta. Kien Nicolo’ Muscat – figura prominenti fl-amministrazzjoni tal-Ordni tal-Kavallieri – li f’nofs is-seklu 18…

Lokali

Ġimgħa wara d-delitt ta’ omm żagħżugħa f’Raħal Ġdid li allegatament inqatlet mis-sieħeb tagħha, bosta għaqdiet speċjalment tan-nisa komplew jitkellmu b’diversi stqarrijiet dwar dan il-femiċidju u l-problema tal-vjolenza domestika. Mill-banda l-oħra…

Annimali

L-Assoċjazzjoni Exotic Finch Malta qed tagħti opportunità oħra lill-pubblika japprezza l-ġmiel ta’ 500 għasfur li minkejja li l-oriġini tagħhom hija barranija tfaqqsu f’Malta wara ħafna studju u esperementazzjoni. Il-wirja li…

Lokali

Il-Malta National Electromobility Platform fi ħdan Transport Malta qed tikkordina diversi inizjattivi u attivitajiet marbuta mal-Ġimgħa Ewropea Tal-Mobbiltà. It-tema għal din is-sena hija “Multimodality – Mix and Move”. Din it-tema…

Aktar