Artiġjanat
Arti liturġika bil-mużajk, minn Għawdex għal Madrid

Dawk li fl-aħħar jiem kienu fir-Rabat Għawdex setgħu jinnutaw li kważi lest taraġ pubbliku ġdid li mill-venda tal-karozzi tal-linja jwassal għal Pjazza San Franġisk. It-taraġ hu mżejjen b’xogħlijiet fil-mużajk li jirrappreżentaw is-sebat’ijiem tal-ħolqien tad-dinja.

Dan hu xogħol ieħor ta’ arti liturġika minn idejn Dun Roberto Gauci li jmexxi ċ-Ċentru Eikon. Qabel faqgħet il-pandemija esporta l-ewwel biċċa xogħol tiegħu.

Fil-bidu tal-pandemija tal-coronavirus, Dun Roberto Gauci qatta’ 15-il ġurnata kwarantina fiċ-Ċentru tal-Arti Liturġika: Eikon, li jinsab fit-triq li tagħti għal Ta’ Pinu. Dan ġara billi kien għadu kemm irritorna minn Madrid fejn ħadem għal kulleġġ tal-Ġiżwiti l-ewwel biċċa xogħol taċ-ċentru għal barra minn Malta.

“Għandna mużajk mal-faċċatta li juri s-sejħa ta’ San Injazju u sħabu,” qal id-Direttur taċ-Ċentru Eikon, Dun Roberto Gauci.

Television Malta żar iċ-Ċentru Eikon qabel mal-pandemija bdiet tinxtered minn pajjiż għall-ieħor. Fi kliem Dun Roberto, l-arti hija l-ewwel espressjoni tal-fidi.

“Huwa misteru preżenti, mhuwiex teorija imma huwa xi ħaġa esperjenza li aħna ngħixuha. Dan huwa l-Kristjaneżmu,” qal Dun Roberto.

Dun Roberto studja taħt id-direzzjoni ta’ Patri Rupnik f’ċentru f’Ruma u miegħu ħadem f’diversi pajjiżi: mill-Istati Uniti għall-Brażil, l-Ungerija għall-Italja u Pariġi. Qal li din ma kinitx biss esperjenza artistika, imma wkoll kif l-artist jaħdem fi ħdan il-Knisja.

Il-Maltin u l-Għawdxin saru aktar familjari max-xogħol ta’ Dun Roberto permezz tal-mużajk quddiem is-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu.

“Jien inqisha bħala grazzja li Ta’ Pinu kien l-aħħar tarġa imma l-ewwel tarġa ta’ xi ħaġa oħra għax il-ħajja hija hekk ux. Hemm fażijiet li jagħlqu u oħrajn li jiftħu,” qal Dun Roberto.

Wieħed mill-aħħar proġetti taċ-Ċentri Eikon hu t-tisbiħ ta’ taraġ ġdid fir-Rabat Għawdex, li mil-venda tal-karozzi tal-linja jwassal għal Pjazza San Franġisk. Din l-arti fil-muzajk tirraprezenta s-sebat ijiem tal-ħoqlien.

“Tema ambjentali hux hekk ħafna. Allura l-ħolqien bħala don – bħala rigal ux hekk imma l-ħolqien bħala responsabilità wkoll għaliex il-bniedem mhuwiex mhux proprjetarju ta’ dan il-ħolqien imma huwa amminstratur,” qal Dun Roberto.

 

Dun Roberto spjega kif fil-mużajk tintuża l-ġebla – li fisser bħala espressjoni tal-ħolqien.

“Aħna l-mużajk nużawh bħalma l-pittur juża ż-żebgħa diretta mhux qed nikkuppjaw xi ħaġa oħra,” kompla Dun Roberto Gauci.

Fost ix-xogħlijiet li nħadmu fiċ-Ċentru Eikon hemm il-via crucis fil-Knisja tal-Iklin, mużajk fid-daħla tal-Kurja t’Għawdex, u l-kappella taċ-ċimiterju tan-Nadur.

Aħbarijiet Oħra
Tradizzjonijiet

Jumejn ‘il bogħod mill-Jum Internazzjonali tal-Bizzilla, grupp ta’ persuni nġabru fil-Mużew Nazzjonali tal-Etnografija, fil-Palazz tal-Inkwizitur il-Birgu, biex jaħdmu bizzilla tradizzjonali Maltija. Jekk hemm xi impressjoni li l-arti tradizzjonali tal-bizzilla qed…

Politika

Għadd imdaqqas ta’ deputati tal-Partit Nazzjonalista llejla dehru deħlin fid-Dar Ċentrali, għal-laqgħa li ma ssejħitx b’mod uffiċjali, kif ikkonferma kelliem tal-partit. Iktar kmieni llum Dr Adrian Delia qali li l-ġimgħa…

Barranin

Persuni li kienu qed isuqu minn ġo triq li taqsam foresta f’Bacau, fir-Rumanija, lemħu ors fil-ġenb tat-triq. Mara li kienet passiġġiera f’waħda mill-karozzi ddeċidiet li tinżel mill-vettura u tersaq qrib…

Aktar