Infrastruttura
Assenjati 3 kuntratti għall-iżvilupp tal-pipeline tal-gass bejn Malta u Sqallija

Se jibdew fil-jiem li ġejjin tliet studji li huma meħtieġa biex jinkisbu l-permessi għall-bini ta’ pipeline tal-gass li jgħaqqad lil Sqallija ma’ Malta. L-istudji jitrattaw ir-rotta f’qiegħ il-baħar, l-effetti fuq l-ambjent u d-disinn għall-infrastruttura meħtieġa. Il-Gvern ħabbar li waqqaf kumpanija biex tieħu ħsieb dan il-proġett li se jkun magħruf bħala Melita TransGas Pipeline

Intgħażlu wara sejħa pubblika l-kumpaniji li se jagħmlu l-istudji għat-twettieq tal-progett tal-pipeline tal-gass bejn Gela fi Sqallija u Delimara f’Malta. L-inġinier Alexandra Meli, li hija responsabbli mill-proġett, spjegat li l-passi li jmiss huma stħarriġ tal-baħar, studju ambjentali u t-tlestija tad-disinn tal-proġett.

“Dan se ssir marine survey f’din l-arja li qegħdin hawhekk. Li ħa jiġri ħa jkun hawn bastimenti u vapuri spejċalizati li ħa jaraw il-profil tal-qiegħ tal-baħar, ħa jaraw bħala l-aħjar rotta minn fejn il-pipeline jista’ jgħaddi bl-inqas riskju meta niġu biex nagħmlu l-istallazzjoni u jibda jopera l-proġett,” spjegat l-inġinier Meli.

L-inġinier Meli qalet li dawn l-istudji mistennija jkunu lesti fi żmien tliet xhur. Żiedet tgħid li wara li jinkisbu l-permessi, toħroġ is-sejħa għall-offerti, bl-għan li erba’ snin oħra jibdew ix-xogħlijiet fuq il-proġett li mistenni jiehu madwar sentejn.

F’konferenza tal-aħbarijiet f’Delimara, fejn se jiżbokka l-pipeline tal-gass, il-Ministru għall-Enerġija Joe Mizzi qal li l-pipeline se jieħu post it-tanker fil-port ta’ Marsaxlokk, li qed iservi ta’ ħażna għal-LNG.

Qal li dan il-proġett għandu l-appoġġ tal-Unjoni Ewropea, li qed tagħmel tajjeb għal nofs l-ispejjeż tal-istudji. Żied jgħid li Malta se tapplika għal fondi Ewropej għall-pipeline innifsu li mistenni jiswa €350 miljun.

Il-Ministru qal li r-responsabilità tal-proġett se tgħaddi għand kumpanija pubblika li twaqqet apposta, li ngħatat l-istess isem tal-proġett: Melita TransGas Pipeline.

“Bħalissa r-responsabilità qiegħda f’idejn l-Aġenzija tal-Enerġija u Ilma ovvjament din se tgħaddi f’din il-kumpanija fejn bejn wieħed u ieħor huma l-istess nies li qed jieħdu ħsieb l-affarijiet, imma għax bilfors trid isir kumpanija, biex tara l-istudju li hemm bżonn li jsir biex naslu għal proġett li hemm,” spjega l-Ministru Mizzi.

Hu stmat li l-pipeline se jkun twil kważi 160 kilometru, li minnhom 151 kilometru huma fil-baħar, seba’ kilomtri f’Ġela li jgħaqqdu l-pipeline mat-Terminal Station. L-inġinier Meli qalet li l-kosta ta’ Delimara mhux se tkun mittiefsa ghax il-pipeline se jgħaddi taħt l-art u jasal sal-Power Station.

Aħbarijiet Oħra
Stejjer Umani

Mandy Vella li għandha 24 sena biss qed tgħix bi tbatija kbira minħabba li tbati b’Cystic Fibrosis. Hija tgħid li din qed taffettwalha l-pulmun u l-firxa, tbati bil-qtugħ ta’ nifs…

Avjazzjoni

Fl-istorja Maltija tal-avvjazzjoni, l-1969 ma kinitx l-isbaħ paġna. F’temp ta’ tliet xhur, nofs seklu ilu, seħħew żewġ disgrazzji tal-ajru b’ajruplani militari. L-istorja tagħhom hija fost kważi elf inċident tal-ajruplan li…

Lokali

Il-Fondazzjoni Blue Light, imwaqqfa mis-Surġent Simon Schembri mistennija tiftaħ l-ewwel dar tagħha biex tilqa’ fiha uffiċjali tal-forzi dixxiplinati li jweġġgħu waqt il-qadi ta’ dmirijiethom. Il-Ħadd filgħodu f’Ħal Safi saret attività…

Għawdex

Dalgħodu f’Dar Arka, Għajnsielem, saret quddiesa mmexxija mill-Isqof ta’ Għawdex, Mario Grech bħala talba ta’ radd il-ħajr lil Alla fi tmiem il-mandat tal-President Marie-Louise Coleiro Preca. Fi kliem il-President, l-Ewkaristija…

Aktar