Lokali
Assistenza legali lil bdiewa f’riskju ta’ evizzjoni minn qbiela ta’ art agrikola privata

Il-Ministeru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali se jkun qed jassisti lil dawk il-bdiewa li qed jiġu rinfaċċjati bi problemi billi jipprovdi assistenza teknika u legali bil-għan li jtaffi piżijiet finanzjarji minħabba azzjonijiet legali u kawżi l-Qorti.

Dawn is-servizzi se jkunu qed jiġu provduti permezz ta’ l-AgriConnect fi ħdan il-Ministeru.

Bdiewa li huma reġistrati mad-Dipartiment tal-Agrikoltura li ġew mhedda, ingħataw avviż ta’ evizzjoni jew li diġà ttieħdu l-Qorti minn sid l-art jistgħu jibbenefikaw minn din l-inizjattiva. Talbiet għal għajnuna teknika jew pariri legali jistgħu jsiru billi jsir kuntatt ma’ AgriConnect bit-telefon fuq in-numri 21804981/2/4 jew permezz ta’ email fl-indirizz [email protected] jew billi jżuru wieħed mill-uffiċini fil-Mellieħa, Qormi, Żabbar u r-Rabat, Għawdex.

Bdiewa li huma involuti f’kawżi attivi fil-qrati tagħna, jew li ġew notifikati b’att tal-Qorti, jew dawk li s-sid tal-art imqabbla lilhom ma aċċettax il-ħlas tal-qbiela, jistgħu jkunu assistiti permezz ta’ rappreżentanza legali quddiem il-Qorti. Il-Ministeru se jkun qed jipprovdi wkoll assistenza sabiex il-qbiela tiġi depożitata taħt l-Awtorità tal-Qorti f’isimhom.