Unjoni Ewropea
AstraZeneca se żżid il-produzzjoni tat-tilqima għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea

Wara ġimgħat ta’ kontroversja AstraZeneca qablet li żżid il-produzzjoni tal-vaċċin għall-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea bi 30%.

Fi tweet tard ilbieraħ filgħaxija l-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula Von Der Leyen, qalet li l-kumpanija issa qablet li tibgħat 9 miljun doża addizjonali u se tibda twassal il-konsjeni ġimgħa qabel skedat.

Il-ġimgħa l-oħra l-kumpanija ħabbret li se tkun tista’ twassal biss kwart tad-dożi ordnati oriġinarjment minħabba problemi f’waħda mill-fabbriki. Iżda wara diskussjonijiet estensivi l-bieraħ Von Der Leyen ħabbret li d-dożi se jiżdidu bi 30%.

Madanakollu qalet li Frar u Marzu mistenni jkun perjodu diffiċli għad-distribuzzjoni tal-vaċċin xorta waħda.