Barranin
Atleta Olimpika tal-Belarus tingħata viża Pollakka wara li rrifjutat li tirritorna pajjiżha

L-atleta mill-Belarus Krystsina Tsimanouskaya ta’ 24 sena, tinsab qawwija u sħiħa fl-ajruport ta’ Haneda fil-Ġappun wara li rrifjutat li tirritorna pajjiżha u talbet kenn mill-awtoritajiet Ġappuniżi.

L-atleta giet ordnata li tmur lura l-Belarus wara li kkritikat pubblikament lill-coaches tagħha bl-awtoritajiet tal-Belarus jordnaw li tiġi irtirata mit-tim nazzjonali tal-atletika.

Iżda Tsimanouskaya talbet l-ażil u anke l-Polonja u r-Repubblika Ċeka offrew li jikkunsidraw jagħtuha ażil fl-Ewropa.

L-awtoritajiet Ġappunizi u l-Kumitat Olimpiku Internazzjonali qed isegwu lill-atleta u anke l-aġenzija tar-refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda qed isegwu l-każ tagħha.

Hija ngħatat viża umanitarja mill-Polonja wara li d-deputat ministru għall-affarijiet barranin Polakk qal li l-Polonja kienet se tagħmel dak kollu neċessarju biex jgħin lil atleta tkompli bil-karriera sportiva tagħha.