Sport
Atleti minn Special Olympics Malta se jingħataw taħriġ minn ex Champion Olimpika Amerikana tal-għawm

Matul it-tliet ijiem li ġejjin, l-atleti u l-uffiċjali ta’ Special Olympics Malta se jingħataw taħriġ minn ex Champion Olimpika Amerikana tal-għawm, Donna de Varona u tliet mibgħuta speċjali tal-isport mill-Istati Uniti.

L-erba’ atleti Amerikani jinsabu Malta bl-inizjattiva tal-Ambaxxata Amerikana bhala parti mill-programm tal-mibgħuta tal-isport tad-Dipartiment tal-Istat Amerikan.

Waqt it-tnedija tal-programm ta’ kollaborazzjoni ma’ Special Olympics Malta, iċ-Charge d’Affaires tal-Ambaxxata Amerikana, Mark Shapiro qal li l-programm se jiffoka fuq il-valur tal-inklussività u kif individwi b’diżabbilitajiet qed ikunu attivi u jiġu flimkien permezz tal-isport.

Is-Sinjura Michelle Muscat, President ta’ Special Olympics Malta qalet li tinsab grata ħafna lejn l-Ambaxxata u l-mibgħuta tal-isport Amerikani li bejn illum u nhar il-Ġimgħa se jorganizzaw lezzjonijiet tal-għawm u jagħmlu preżentazzjonijiet edukattivi lill-uffiċjali mill-Ministeru għall-Edukazzjoni, l-għalliema tal-edukazzjoni fiżika, l-istudenti li qed jistudjaw biex isiru għalliema u lill-atleti u l-coaches ta’ Special Olympics Malta.

Is-Sinjura Muscat qalet li minkejja ċ-ċokon u l-limitazzjonijiet ta’ Malta, fl-aħħar Olimpjadi Speċjali f’Abu Dhabi kmieni din is-sena, l-atleti Maltin gabu 40 midalja u issa qeed ihejju għal-logħob Ewropew u Dinji.