Barranin
Attakk premeditat bi trakk joqtol familja Musulmana fil-Kanada

Il-pulizija Kanadiża qalet li erba’ membri ta’ familja Musulmana nqatlu f’attakk premeditat b’karozza. L-attakk seħħ fil-provinċja ta’ Ontario. Tifel ta’ disa’ snin huwa l-uniku membru tal-familja li salva u jinsab l-isptar bi ġrieħi serji.

Il-pulizija arrestaw u xlew Kanadiż ta’ 20 sena b’erba’ akkużi ta’ qtil u b’attentat ta’ qtil. Nathanial Veltman kien arrestat f’kumpless tax-xiri li jinsab mas-sitt kilometri ‘l bogħod minn fejn seħħ l-attakk. Il-pulizija qed jistudjaw jistgħux jixluh ukoll b’akkużi ta’ terroriżmu u qalu li huma tal-fehma li dan kien reat ta’ mibegħda.

Il-vittmi huma żewġ nisa ta’ 74 u ta’ 44 sena u raġel ta’ 46 sena kif ukoll tifla ta’ 15-il sena. L-attakk ġie deskritt bħala l-agħar wieħed kontra Musulmani Kanadiżi minn meta fl-2017 kien inqatlu sitt persuni f’moskea fi Quebec.