Lokali
Attent jekk xtrajt dan il-prodott

Id-Direttorat għas-Sorveljanza tas-Suq fi ħdan id-Diviżjoni dwar ir-Regolamenti Tekniċi tal- Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) ittestja numru ta’ extension cables u reels.

Fi stqarrija qal li r-riżultati juru li l-extension cable tad-ditta ‘British Design BS’ tippreżenta riskji għolja għall-utenti. F’dan ir-rigward, l-MCCAA tixtieq tinforma lill-pubbliku dwar is-sejħa lura ta’ dan il-prodott.

Id-Direttorat qal li l-extension cable ‘British Design BS’ mhix konformi mar-rekwiżiti standard applikabbli għal dan il-prodott li jiġi b’erba’ in-line socket outlets u wire ta’ żewġ metri. Il-ħxuna tal-wire nstabet li hija irqaq minn dak rekwiżit. Spjegat li dan jista’ jwassal għal sħana żejda tal-istess wire, bil-konsegwenza ta’ degredazzjoni tal-iżolatur tal-wire. Dan tal-aħħar iżid il-possibilità ta’ nirien jew deformazzjoni tas-socket outlet biex b’hekk jiġu esposti partijiet minn fejn ikun għaddej il-kurrent. Dawn iż-żewġ xenarji jistgħu jheddu l-ħajja ta’ dak li jkun.

Konsumaturi li xtraw dan il-prodott huma mitluba jieqfu jużaw dan il-prodott immedjatament u jirritornawh lura minn fejn xtrawh. Skont il-liġi, il-bejjiegħa huma obbligati li joffru rimedju lill-konsumaturi li jirritornaw dawn il-prodotti lura.

Dawn it-testijiet saru bħala parti minn azzjoni konġunta bejn seba’ Membri Stati, iffinanzjati minn fondi Ewropej.

Għal aktar informazzjoni jew mistoqsijiet oħra, tista’ tikkuntattja lill-MCCAA fuq [email protected].