Brexit
Attentat ieħor ta’ ftehim: L-UE preżentata bi proposti ġodda

Il-proposti l-ġodda tal-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson dwar il-fruntiera tal-Irlanda biex isir ftehim ġdid dwar il-Brexit, jidhru li għadhom ma jissodisfawx lill-Unjoni Ewropea filwaqt li l-mexxej Laburista Jeremy Corbyn wera ruħu xettiku dwar il-proposta biex l-Irlanda ta’ Fuq li hija parti mir-Renju Unit tibqa’ fis-suq waħdieni Ewropew. Il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Jean Claude Juncker qal li l-Kummissjoni qiegħda tanalizza l-proposti filwaqt li insista għal ftehim legali li jrid isir qabel u mhux wara l-Brexit.

Il-kwistjoni tal-fruntiera bejn l-Irlanda ta’ Fuq u l-Irlanda, li hija Stat Membru tal-Unjoni Ewropea, hija l-akbar ostaklu li l-Prim Ministru tar-Renju Unit Boris Johnson qiegħed jipprova jegħleb biex ikollu ftehim il-ġdid mal-Unjoni Ewropea.

Minflok il-‘backstop’ li kien ser iżomm lir-Renju Unit milli jilħaq ftehim kummerċjali ma’ pajjiżi oħra wara li joħroġ mill-Unjoni Ewropea, Johnson qiegħed jipproponi li wara Brexit l-Irlanda ta’ fuq għalkemm hija parti mir-Renju Unit, tibqa’ fis-suq waħdieni Ewropew, iżda toħroġ mill-unjoni tad-dwana flimkien mal-bqija tar-Renju Unit, filwaqt li l-Ingilterra, l-Iskozja u Wales joħorġu anke mis-suq waħdieni.

”There will be no need for checks or any infrastructure at or near the border. I’ve already given a guarantee that the UK government will never conduct checks at the border. And we believe that the EU should do the same. So there is absolute clarity on that point. Instead, under this new protocol, all custom checks between Northern Ireland and Ireland would take place either electronically or in the small number of cases where physical checks would be necessary, they would happen at traders’ premises or other points in the supply chain.”

Il-Kap tal-Oppożizzjoni, Jeremy Corbyn qal li l-proposti tal-Gvern Ingliż qajla jistgħu jintlaqgħu.

“The proposals are unrealistic and damaging and will, as I think the prime minister full well knows, be rejected in Brussels, rejected in this House and rejected across this country.”

Fi Brussell, il-kelliema tal-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker qalet li l-proposti huma pass ‘il quddiem, iżda qal li fadal ħafna xogħol xi jsir min naħa tar-Renju Unit.

”President Juncker stressed that the withdrawal agreement must have a legally operational solution, not arrangements that are to be developed and agreed in the transition period afterwards.”

B’inqas minn ġimagħtejn qabel il-mexxejja Ewropej jiltaqgħu fil-Kunsill Ewropew, ir-Renju Unit jinsab f’ġirja kontra l-ħin biex isib soluzzjoni li hija aċċettabbli għall-Unjoni Ewropea u għall-House of Commons.