Annimali
Attivista tal-annimali tisħaq li jeħtieġ jiġi regolarizzat it-tgħammir tal-klieb

Attivista ewlenija wissiet dwar tgħammir irregolari li qed iwassal għall-moħqrija fuq l-annimali partikolarment il-klieb.

Annimali għadma u ġilda, oħrajn bla għajnejn u wħud b’xedaq miksur kienu fost dawk konfiskati f’Birżebbuġa u li issa ttieħdu fis-santwarju tal-Assoċjazzjoni tal-Annimali Abbandunati (AAA).

Ġimgħa wara li għexieren ta’ klieb ġew ikkonfiskati mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali fid-dawl li sidhom instab ħati ta’ moħqrija, crew ta’ Television Malta żar ix-xelter tal-AAA li ħadet f’idejha l-kura tal-iktar klieb f’sitwazzjoni ħażina minn fost l-44 li nħarġu minn dar f’Birżebbuġa.

“Din hija Julia, instabet f’dik id-dar, li kif qalet il-Qorti kienet dar mimlija abbuż għal aktar minn 50 kelb. Infezzjoni fil-ġilda, għamja fit-tnejn, ksur, illum sabet dar hawnhekk f’Birżebbuġa u fortunatament futur aħjar għal Julia … wara tant xhur t’abbuż”.

Iżda għal attivisti bħal Rosalind Agius dan l-episodju jixhed tendenza li nibtet sew f’Malta … it-tgħammir illegali ta’ klieb għal lira ta’ malajr.

“Il-breeding għandu jkun regolat u liċenzjat. Aħna kollha liċenzjati, tiġi l-veterinarju tal-Gvern tiċċekja l-affarijiet u hekk għandu jkun. Tara kelb denbu miksur, għajnejh mifqugħin … dan imur lil hinn minn abbandun … l-abbuż huwa kbir u narawh kontrinwu”.

Maċ-ċentru tal-aħbarijiet appellat għal tibdil regolatorju sabiex dawn il-ħlejjaq innoċenti ma jispiċċawx maqbuda f’limbu legali għad-detriment tas-saħħa tagħhom.

Hija qalet li fil-każ tal-ġimgħa l-oħra l-Qorti kienet ordnat li l-klieb kollha jiġu kkonfiskati madanakollu s-sid beda jirrifjuta li jgħaddi l-klieb lill-uffiċjali u għalhekk kellu jinħareġ mandat biex il-klieb jittieħdu.

L-annimali ġew ikkonfiskati mid-Dipartiment għall-Ħarsien tal-Annimali l-ġimgħa l-oħra wara li sidhom instab ħati ta’ moħqrija.

Antonio Vella nstab ħati li kien qed iżomm il-klieb fi stat ħażin fi proprjetà fiż-Żejtun, bi klieb oħra li kienu jinsabu fi proprjetà f’Birżebbuġa.