COVID-19
Attività kulturali għal 300 ruħ se tindika jekk għandhomx jiżdiedu l-attendenzi

Fit-8 ta’ Ottubru li ġej f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi fil-Belt Valletta se tittella’ l-ewwel attività kulturali għal skop ta’ riċerka li ser issegwi protokoll speċifiku ta’ restrizzjonijiet minimi kif iggwidati mill-awtoritajiet tas-saħħa.

Dan qed isir bħala parti minn programm pilota bl-għan ewlieni li jwassal biex tiġi determinata t-triq ’il quddiem għal attivitajiet artistiċi, kulturali u ta’ divertiment mibnija fuq riċerka u analiżi ta’ informazzjoni li se tinġabar tul dan il-proċess.

Tul l-attività mhux se jkun hemm restrizzjonijiet marbuta mad-distanza soċjali u l-ilbies tal-maskra mhux se jkun mandatorju waqt li kull persuna li tattendi  trid tagħmel PCR test sa 7 ijiem wara l-attività.

Ir-reġistrazzjoni se tkun eliġibbli biss għal persuni li għandhom ’il fuq minn 18-il sena u li huma fil-pussess taċ-ċertifikat tal-vaċċin.

Persuni li jkollhom sintomi ta’ mard sa 3 ijiem qabel l-attività jew li kienu barra minn Malta 14-il ġurnata qabel l-attività ma jistgħux jattendu.

Mhuwiex rakkomandat li persuni vulnerabbli jattendu għal din l-attività pilota.

Din l-attività, li qed tiġi organizzata għal 300 ruħ, qed tittella’ b’kollaborazzjoni bejn Festivals Malta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu kif ukoll l-MEIA bil-parteċipazzjoni ta’ diversi artisti fosthom DANUSAN, Comedy Knights u BlaKondixin.

Id-dettalji, inklużi t-termini u l-kundizzjonijiet kollha, kif ukoll il-proċess relatat mar-reġistrazzjoni marbuta ma’ din l-attività jinsabu fuq www.festivals.mt/restart.