Attivitajiet fil-Buskett ma jistgħux isiru mingħajr permess tal-ERA

L-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) qalet li l-attivitajiet fis-siti kollha ta’ Natura 2000, inkluż il-Buskett, ma jistgħux isiru mingħajr il-permess tal-awtorità. Żiedet tgħid li kienet qed timplimenta sistema li tieħu ħsieb dawn l-attivitajiet.

Fl-istqarrija tagħha l-ERA għamlet referenza għar-rapporti riċenti fil-midja fejn f’mument rari l-BirdLife u l-Kaċċaturi San Ubertu (KSU) ingħaqdu flimkien biex jikkundannaw attività storbjuża li saret fil-Buskett mal-lejl, u li ddisturbat qatgħa kbira ta’ Astun Iswed li kien qiegħed ifittex kenn. L-FKNK iżda ma qablitx mal-KSU u qalet li inċident iżolat m’għandux iħassar l-attivitajiet kollha l-oħra.

L-ERA qalet li l-biodiversità f’dawn is-siti tibbenefika minn livelli differenti ta’ protezzjoni bis-saħħa ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali u internazzjonali. Għal dan il-għan hemm sistema li tevalwa t-talbiet għall-permessi biex ikun żgurat li dawn l-attivitajiet ma jolqtux ħażin lis-siti naturali.