Austin Gatt jgħid li kieku kien jaf b’irregolaritajiet fl-Enemalta kien jinforma lill-Pulizija

L-ex minsitru responsabbli mill-Enemalta Austin Gatt ċaħad li l-fatt li l-minuti tal-laqgħat tal-kumitat tal-Enemalta għax-xiri taż-żejt ma kinux miktuba b’mod adekwat kien ifisser li kien hemm il-korruzzjoni.

L-Avukat Gatt għamel din id-dikjarazzjoni quddiem il-Kumitat għall-Kontijiet Pubbliċi li kompla jisma’ x-xhieda tiegħu fil-każ tal-investigazzjoni li twettqet mill-Awditur Ġenerali dwar l-iskandlu tax-xiri taż-żejt.

L-Avukat Gatt qal li kieku kien jaf li l-minuti ma kinux qed jittieħdu kif suppost kien jagħti direzzjoni ministerjali biex dan isir. Huwa qal ukoll illi kieku kien jaf li ma kienx hemm proċedura miktuba dwar ix-xiri taż-żejt kien jordna li jiġu segwiti l-proċeduri tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti.

L-avukat Gatt li kien qed iwieġeb mistoqsijiet tal-Ministru tal-Ġustizzja Owen Bonnici qal illi l-liġi tagħmel distinzjoni ċara bejn ir-responsabbiltajiet tal-ministru u tal-Bord tal-Enemalta inkluż iċ-chairman u l-Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni. Huwa sostna li l-kwistjoni tal-proċeduri ma kinitx taqa’ taħtu iżda taħt il-bord tal-Enemalta.

Qal illi kieku kien jaf b’xi irregolaritajiet, huwa kien jinforma mill-ewwel lill-Pulizija biex jittieħdu l-passi meħtieġa kif kien għamel f’każijeit oħrajn. Huwa sostna illi minkejja li jiddaħħlu sistemi kif tiġi miġġielda l-korruzzjoni, din diffiċli tinqered.  L-Avukat Gatt argumenta li flok iwaħħlu f’xulxin, il-politiċi għandhom jingħaqdu u jsibu l-għerq tal-problema tal-korruzzjoni li qal ħafna drabi tinbet minħabba eżerċizzjoni ta’ diskrezzjoni li jkun sar.