Austin Gatt kien qabel mal-proklama li ngħatat lil George Farrugia

L-ex-Ministru responsabbli mill-Enemalta Austin Gatt iddikjara li huwa qatt ma ndaħal fil-proċess tax-xiri taż-żejt mill-Korporazzjoni u li qatt ma kellem lil ħadd dwar il-proċess tal-għoti ta’ kuntratti. L-ex-Ministru Gatt qal dan fi stqarrija li għamel quddiem il-Kumitat Parlamentari tal-Kontijiet Pubbliċi li qed jevalwa ir-rapport tal-Awditur Ġenerali dwar ix-xiri taż-żejt mill-Enemalta.

L-Avukat Gatt ikkritika lill-Awditur Ġenerali li qal kien jidher li jippreferi s-sistema tal-hedging fuq il-politika tal-Gvern Nazzjonalista  fl-2009 li jiffissa l-ogħla prezz li bih jinxtara iż-żejt u li wasslu għal bidliet fil-prezz tal-konsum tal-elettriku.

Huwa qal li l-Awditur ma kellux jagħmel dawn ir-rimarki għaliex kienu kwisjtoni ta’ politika.  Qal ukoll illi l-Awditur ma kienx korrett li ma kienx hemm proċeduri dwar ix-xiri taż-żejt.  Qal li proċeduri u linji politiċi dwar dan kien hemm iżda ma kienux miktubin.

Huwa ikkritika wkoll lill-Awditur Ġenerali li qal ikkummenta dwaru iżda ma sabx ħin biex ikellmu.

L-ex-Ministru Gatt wieġeb għall-mistoqsijiet min-naħa tal-Gvern peress li l-membri tal-Oppożizzjoni għażlu li ma jagħmlux mistoqsijiet.  Huwa qal li ma kienx jaf li l-familja Farrugia kienu taw donazzjoni għall-kampanja elettorali tiegħu għax l-organizzazzjoni tal-kampanja kienu  jieħdu ħsiebha is-Segretarjat privat tiegħu u tim ta voluntieri. Huwa sostna li ma kienx ikollu x’jaqsam ma’ donazzjonijiet biex ma jkunx influenzat fid-deċizzjonijiet li jieħu.

L-Avukat Gatt qal li kien qabel mal-proklama li ingħatat lil Gorg Farrugia u li ma kienx iddikjara id-donazzjoni tal-aħwa Farrugia minħabba li sa dak iż-żmien ma kienx jaf biha.  Huwa qal ukoll illi ma kienx jiftakar li kien mar għal xi ikla ma’ Gorg Farrugia fil-Waterfront tal-Belt. Huwa qal li la Gorg Farrugia u lanqas ħaddieħor ma kienu kellmuh dwar kuntratti għax-xiri ta’ żejt.  Qal li Gorg Farrugia dejjem kellmu dwar l-importanza li jkun hemm ħażniet adekwati għaliex il-kumpaniji privati ma kellhomx spazju għall-ħażna taż-żejt.

Huwa qal illi bħala Ministru kien kontra li l-Mediterranean Oil Bunkering Company tinnegozja fix-xiri u l-bejgħ taż-żejt għax dan kien funzjoni tal-privat u mhux ta’ kumpanija tal-Gvern.  Qal li l-MOBC inbidlet f’kumpanija għall-ħażna taż-żejt b’deċizzjoni tal-Kabinett fl-2004.  Qal li ma kienx jaf li Frank Sammut qal li kien se jmur ma’ kumpanija ġdida li kienet interessata fix-xogħol tal-MOBC.  Huwa sostna illi l-Gvern m’għandu l-ebda regolamenti li jżommu uffiċjal pubbliku milli jirriżenja u jidħol jagħmel l-istess xogħol mal-privat.