Għawdex
Avvanzat ix-xogħol li se jagħti dehra ġdida lill-Menqa f’Marasalforn

Waħda mill-aktar żoni mfittxija f’Għawdex speċjalment fix-xhur tas-Sajf hi Marsalforn, fejn jinsab avvanzat ix-xogħol biex il-Menqa tinqala’ mill-qiegħ u tingħata dehra ġdida u isbaħ. Bil-ftuħ mill-ġdid tar-ristoranti, il-Ministeru għal Għawdex emenda l-programm tax-xogħol ġie biex ma jfixkilx l-operat tagħhom.

Fix-xhur li għaddew dak li ġie mfassal fuq il-karta permezz ta’ masterplan għal Marsalforn li għandu l-barka tal-awtoritajiet beda jitwettaq. L-ewwel fażi tal-proġett se tiswa lill-gvern €3 miljun u tkopri żona ta’ 3,600 metru kwadru. Ix-xogħol beda f’tarf is-sena li għaddiet mill-parti tal-Menqa, bil-Perit Shaun Micallef spjega li l-art inqalgħet mill-qiegħ biex tissaħħaħ, ġew stallati servizzi ġodda u fuqhom ingħatat bażi tal-konkos.

“Minħabba l-ammont ta’ servizzi li għaddejna fosthom drenaġġ, ilma, dwal, komunikazzjoni, ix-xogħlijiet ħadu aktar fit-tul. Dawn is-servizzi ngħalqu u prattikament issa nistgħu nkomplu bil-pavimentar biex naghlqu din l-ewwel fażi tal-proġett,” qal il-Perit Shaun Micallef.

Il-pavimentar ġdid qed isir bil-lava għall-partijiet li se jkunu aċċessibbli għall-vetturi u bil-porfido għall-bankini u partijiet pedonali. Il-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, li l-programm tax-xogħol ġie emendat la darba r-ristoranti reġgħu fetħu.

“Biex nagħtu aċċess kemm lil dawk li jkunu qed iżuru dawn ir-ristoranti kif ukoll lir-ristoranti nfushom li jkollhom spazju fejn jarmaw fuq in-naħa ta’ barra biex inkunu qegħdin nikkoordinaw ix-xogħol b’mod tajjeb mingħajr ma ntellfu lin-negozju lokali,” qal il-Ministru Clint Camilleri.

Il-proġett jaħseb ukoll fil-faċilitajiet għall-komunità tas-sajjieda billi din il-parti tal-menqa hi wkoll port antik. Ix-xogħol jissokta fuq il-promenade kollu li se jkun pedonali, b’aċċess limitat għal vetturi b’permess li jagħtu servizz.

Fażijiet oħra tal-proġett maħsuba fil-masterplan għar-riġenerazzjoni ta’ Marsalforn jindirizzaw ħtiġijiet oħra li jmoru lil hinn mid-dehra bħall-ispazju għall-parkeġġ u l-bini ta’ breakwater.