Lokali
Avvanzat ix-xogħol tal-ġebla fi proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali f’Bormla

F’Bormla, mexa ġmielu x-xogħol tal-ġebla fi proġett ġdid ta’ akkomodazzjoni soċjali fi Triq Hannover. Hawnhekk qed jinbnew sitt blokok bi 68 appartament, 117 spazju ta’ parkeġġ, childcare centre u ċentru għall-komunità.

Il-proġett se jintroduċi ukoll spazju miftuħ ta’ 850 metru kwadru li jinkludi pjazza għar-residenti.

Il-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali, Roderick Galdes, qal li proġetti ta’ akkomodazzjoni soċjali li saru fil-passat f’Bormla għamlu differenza għall-aħjar fil-ħajja ta’ eluf ta’ familji. Qal li anke l-gvern jemmen li stabilità fil-housing tagħti bażi soda għall-progress soċjali tal-bniedem u għalhekk sa mill-bidu tal-leġislatura, il-gvern xammar il-kmiem biex jaċċerta li jiġu indirizzati sfidi ta’ familji differenti b’soluzzjonijiet effettivi.

Il-Ministru Galdes qal li l-gvern qed jimxi ma’ pjan li fassal biex qed jitwettaq l-akbar proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fl-aħħar erbgħin sena li se jissarraf f’1,700 residenza ġdida fi 13-il sit.