Ekonomija u Finanzi
Awtoritajiet Maltin jiddiskutu l-ħasil tal-flus – se jitħabbru miżuri ġodda

Il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna qal li l-impenn tal-awtoritajiet li jiġġieldu l-problema tal-ħasil tal-flus li għaddej f’ħafna pajjiżi, ser jissokkta meta l-ġimgħa d-dieħla jitħabbar pakkett ta’ miżuri li għandhom jirristrutturaw mhux biss il-liġijiet u r-regolamenti, imma anke l-istituzzjonijiet, sabiex ikunu jistgħu jaffaċċjaw dal-fenomenu, li qal qed jikber mad-dinja kollha.

Il-problema tal-ħasil tal-flus u l-implimentazzjoni tad-direttivi tal-Unjoni Ewropea kontra l-ħasil tal-flus u l-iffinanzjar tat-terroriżmu ġew trattati fl-laqgħa bejn Uffiċjali tal-Financial Intelligence Analysis Unit u ta’ awtoritajiet regolatorji oħra. Fil-ftuħ tal-laqgħa, il-Ministru tal-Finanzi Edward Scicluna stqarr li l-ebda ġurisdizzjoni finanzjarja ma tista’ tgħid li m’hemm l-ebda ħasil ta’ flus għaddej mill-istituzzjoni tagħha. Qal li l-problema kull ma jmur qed tikber kif jixhdu diversi kai li ħarġu fil-beraħ u li seħħew f’għadd ta’ pajjiżi.

Il-Ministru Scicluna qal li Malta, bħal pajjiżi oħrajn, qed tindirizza din il-kwistjoni. Spjega li mir-risk assessment nazzjonali ħareġ li l-akbar nuqqas kien fil-kordinazzjoni bejn l-awtoritajiet regolatorji. Il-Professur Scicluna rrikonoxxa li għalkemm sar ħafna xogħol, l-awtoritajiet regolatorji għadhom ma ħarġux għalkollox mill-maltempata li għaddew minnha.

“Minflok noqgħodu issa nwaħħlu f’dak u nwaħħlu fl-ieħor, u ngħidu jekk hijiex politika jew mhijiex naħseb li l-importanti huwa li r-regolaturi jbaxxu rashom għax-xogħol,” qal il-Ministru.

Il-Professur Scicluna qal li l-Gvern joqgħod fuq ir-regolaturi bħalma huma l-MFSA, l-FIAU u l-Asset Recovery Bureau, iżda hemm entitatjiet oħrajn li jridu jagħtu sehemhom fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus.

“Għandek assoċjazzjonijiet tas-settur privat bħalma huma real estate agents, il-brokers, in-nutara, l-avukati eċċetra., jiġifieri għandek organizzazzjonijiet enormi li jkopru l-ekonomija kollha, li huma stess jistgħu jirregolaw lilhom infushom u jkunu jistgħu huma wkoll jagħtu pariri lir-regolatur dwar il-mod kif għandu jirregola lill-banek jew lil dawn l-assoċjazzjonijiet.”

Il-Ministru rrimarka li evalwazzjonijiet bħalma saru mill-Moneyval u oħrajn, li jiġu għal ftit żmien f’Malta, ma jifhmux xi affarijiet u jġibuha ħażina. Qal li l-gvern għandu jgħidilhom li huma żbaljati.

Id-direttur tal-FIAU, Kenneth Farrugia, stqarr li l-aġenzija kellha taffaċċja bosta sfidi. Qal li għalkemm żdiedu r-rapporti mis-settur dwar transazzjonijiet suspettużi, jixtieq li jkun hemm aktar rapporti.

“L-ebda stakeholder involut f’dan is-settur jixtieq li jkun hawn ħasil ta’ flus u finanzjament tat-terroriżmu, u għalhekk flimkien iridu naħdmu sabiex ikollna l-kontrolli kollha meħtieġa effettivi li qegħdin jaħdmu u jagħtu l-frott sabiex nipprevjenu u nieħdu azzjoni kontra dawk li qed jappużaw mis-settur.”

Is-Sur Farrugia qal li sa Marzu li għadda, l-FIAU implimentat ir-rakkomandazzjonijiet li sarulha, fost oħrajn, mill-Kummissjoni Ewropea. Żied li r-rakkomandazzjonijiet li se joħorġu mir-rapport tal-Moneyval diġà ġew implimentati fl-aħħar xhur.

Aħbarijiet Oħra
Sport

Fit-tielet logħba tagħhom fil-Kampjonat tal-Amateurs, it-tim ta’ Syria Gżira FC kiseb l-ewwel rebħa bl-iskor ta’ 3-1 kontra Fleur De Lys FC. Il-player Lucky Chizobor skurja żewġ gowls filwaqt li Julius…

Saħħa

Ilbieraħ filgħaxija għadd ta’ nies nġabru quddiem iċ-Ċentru Esplora fil-Kalkara għal mixja simbolika bħala parti mix-xahar iddedikat għall-għarfien dwar il-kanċer tas-sider, magħruf bħala Pink October. Din is-sena n-nisa u l-irġiel…

Brexit

Tkompli s-saga Brexit. L-istrateġija tal-Prim Ministru Boris Johnson, li kien qed jippretendi li l-House of Commons japprovalu l-ftehim il-ġdid li rnexxielu jinnegozja mal-Unjoni Ewropea, sfaxxat fix-xejn. Dan hekk kif il-Parlament, minflok,…

Lokali

L-invażjoni Torka fit-Tramuntana tas-Sirja ġiet ikkundannata mill-komunità Kurda f’Malta li bl-appoġġ tal-Moviment Graffitti organizzaw manifestazzjoni paċifika quddiem l-Ambaxxata Torka fil-Floriana. Huma kkundannaw dak li sejħu bħala assalt brutali u mingħajr…

Aktar