Kultura
Awturi minn 9 pajjiżi taħt saqaf wieħed għall-festival Mediterranju tal-letteratura

Bħalissa qed issir l-erbatax-il edizzjoni tal-festival Mediterranju tal-letteratura mill-għaqda Inizjamed b’ sensiela ta’ avvenimenti, li jinkludu attività għall-pubbliku fil-Valletta Contemporary. Tnax-il awtur u awtriċi minn disa’ pajjiżi qed jieħdu sehem fl-edizzjoni tal-festival, li qed jiddiskuti kif il-letteratura u l-iżvilupp tas-soċjetà jitwaħdu flimkien.

Xogħol letterarju jista’ qatt ikun universali u jibqa’ relevanti minkejja ż-żmien u l-post meta jkun nkiteb? X’assoċjazzjoni għandha l-letteratura maż-żamma tal-istatus quo jew il-bidla? X’irwol għandhom il-qarrejja fil-letteratura? U kif jistgħu l-kittieba, edituri, riċerkaturi u kontributuri jtejbu l-kitba bil-Malti u bl-Ingliż fuq l-Internet?

Dawn huma wħud mit-temi li qed ikunu diskussi waqt il-festival Mediterranju tal-letteratura li se jkompli ifittex tweġibiet għal uħud mill-iktar temi kurrenti fil-letteratura. Għall-festival, minbarra kittieba Maltin, qed jattendu awturi mill-Kamerun, l-Indja, il-Venezwela, il-Ġermanja, l-Italja, ir-Renju Unit u Spanja.

L-awtriċi Spanjola mir-reġjun tal-Galicia, Yolanda Castano, ilha tippubblika l-poeżiji tagħha għal 25 sena. Tikteb bil-lingwa nattiva tagħha, il-Galizjan, li hija waħda mill-erba’ lingwi uffiċjali fi Spanja. Tgħid li tħossha kburija li qed tikkontribwixxi għas-sostenn ta’ din il-lingwa, minkejja li taqleb ukoll ix-xogħolijiet tagħha fil-lingwa Spanjola.

“I can only deal with good Spanish, because my command in Spanish is perfect, I am bilingual, that is why this is the only language that I can self translate, but I’m also being translated into English, French, Italian, and these days into Maltese as well,” qalet Castano.

Leanne Ellul mill-għaqda Inizjamed qalet li l-festival jiċċelebra l-multikulturalità minkejja li d-dimensjoni tiegħu hija Mediterranja. “Dawn huma suġġetti li jolqtu lil kulħadd, il-letteratura ġġibhom iktar qrib tagħna imma mhux biss… fil-fatt avveniment ieħor li jkollna li jgħaqqad lill-pubbliku ġenerali mal-awturi huwa l-Palk Ħieles.”

Leanne Ellul qalet li l-attività Palk Ħieles nħar l-Erbgħa fil-Valletta Contemporary kienet miftuħa għall-membri tal-pubbliku biex jikkontribwixxu bi kwalunkwe mezz artistiku li jixtiequ. Mil-lejla sas-Sibt se jkun hemm ukoll tliet iljieli fil-Forti Sant’ Iermu b’qari ta’ xogħlijiet li jkunu inqalbu mill-awturi, flimkien ma’ mużika u l-wiri ta’ films imsejsa fuq il-poeżija u attivitajiet ta’ qari għat-tfal.

Aħbarijiet Oħra
Qorti

Żewġ nisa, li waslu Malta b’dgħajsa ma’ immigranti oħra s-sena l-oħra, spiċċaw il-ħabs minflok il-Ġermanja. Fil-Qorti, l-avukat tagħhom Martin Fenech, spjega li huma użaw dokumenti foloz biex ikunu jistgħu jibdew…

Partit Nazzjonalista

Waqt żjara fix-xelter tal-YMCA li għandu mat-30 resident, il-kap tal-Partit Nazzjonalista Adrian Delia qal li r-realtà tal-faqar f’Malta, qiegħda tiżdied minkejja t-tkabbir ekonomiku tal-pajjiż. Dr Delia qal li l-Gvern għandu…

Xogħol

Fit-tieni kwart tas-sena, bejn April u Ġunju li għadda, Malta kellha t-tielet l-ogħla rata ta’ sejħiet għal impjiegi fis-suq tax-xogħol. Skont ċifri tal-Eurostat, il-postijiet tax-xogħol li kienu qed ifittxu l-ħaddiema…

Aktar