Saħħa
Azzjoni b’mira li sal-2030 jinqerdu mid-dinja l-AIDS, il-malarja u t-tuberkolożi

Mexxejja minn madwar id-dinja, fosthom il-Prim Ministru Joseph Muscat, attivisti u persuni affettwati bl-AIDS, it-tuberkolożi u l-malarja jinsabu f’Lyon fi Franza għas-sitt konferenza tal-fond dinji kontra dan il-mard, li kull sena jaħsad il-ħajja ta’ miljuni ta’ pazjenti.

Il-konferenza, organizzata mill-Gvern Franċiż, qed isir bil-għan li jinġabru kważi tlettax-il biljun ewro għal fond globali biex bejn l-2021 u l-2023 l-imwiet kawża tal-AIDS, it-tuberkolożi u l-malarja jonqsu bin-nofs.

Il-Fond Globali għall-ġlieda kontra l-AIDS, it-tuberkulożi u l-malarja twaqqaf sbatax-il sena ilu bil-għan li dan il-mard jiġi kontrollat. Minn dakinhar ‘il hawn hu stmat li ġew salvati mat-32 miljun persuna. Fost oħrajn, bis-saħħa tal-fond, ir-rata ta’ imwiet bl-AIDS naqsu bin-nofs. Madankollu għad hemm bosta sfidi li jridu jintrebħu.

“Kuljum, kważi elf tfajla u mara jiġu infettati bl-HIV. Kull żewġ minuti, tifel jew tifla jmutu bil-malarja. It-tuberkulożi llum titqies bħala l-aktar l-mard infettiva qattiela. Aktar minn għaxar miljun persuna fis-sena jimirdu bit-tuberkolożi.”

Il-President Franċiż, Emmanuel Macron, qed ilaqqa’ s-sitt konferenza tal-Fond Globali fost tħassib li dak li sar fl-aħħar snin kontra l-AIDS, it-tuberkulożi u l-malarja jista’ jintilef minħabba li f’xi pajjiżi dan il-mard qed jerġa’ jerfa’ rasu. Il-pjan hu li fit-tliet snin li ġejjin tingħata l-għajnuna lil madwar sittax-il miljun persuna u jiġu evitati miljuni ta’ infezzjonijiet.

Il-konferenza, li ssir kull tliet snin, hi pjattaforma biex donaturi minn madwar id-dinja jagħmlu l-wegħdiet finanzjarji tagħhom bil-għan li jintlaħqu l-miri tal-iżvilupp sostennibbli fosthom li l-AIDS, il-malarja u t-tuberkolożi jinqatgħu sal-2030.

Il-Fond Globali, iffurmat bi sħubija bejn il-qasam pubbliku u privat, hu meqjus bħala l-aktar finanzjament estern importanti fis-settur tas-saħħa f’ħafna pajjiżi Afrikani.

Mit-twaqqif tiegħu, il-Kummissjoni Ewropea kkontribwixxiet aktar minn żewġ biljun ewro u nofs. Din is-sena l-Unjoni Ewropea se tikkontribwixxi 550 miljun ewro.

Aktar minn 60 pajjiż jikkontribwixxu fil-Fond. Fil-Konferenza tal-Fond Globali, Malta hija rappreżentata mill-Prim Ministru Joseph Muscat u mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Il-Gvern qed ifassal abbozz ta’ liġi biex Malta jkollha Qorti tal-Ambjent fejn jinstemgħu u jiġu deċiżi każi ta’ reati ambjentali. Il-Ministru tal-Ambjent qal li għandu l-kelma tal-avukati li l-abbozz ta’…

Edukazzjoni

Fil-bidu tas-sena d-dieħla, studenti mill-Korea t’Isfel se jibdew jitħarrġu f’Malta biex jiggradwaw bħala tekniċi fil-manutenzjoni tal-ajruplani. L-istudenti se jitħarrġu fl-MCAST wara qbil bejn il-kulleġġ, żewġ kumpaniji privati u l-gvern tal-Korea…

Edukazzjoni

Il-Fondazzjoni LifeCycle għamlet għotja ta’ €25,000 lill-Università għar-riċerka dwar ċesti li jitrabbew fil-kliewi. Riċerkaturi ser jagħmlu stħarriġ dwar il-ġenetika ta’ din il-kundizzjoni li tintiret fil-familji u twassal għal mard serju…

Aktar