Lokali
Azzjoni fuq is-siġar fl-Imrieħel wara l-mewt ta’ Dan Udrea

Se tittieħed azzjoni dwar siġar fi Triq Notabile fl-Imrieħel li nstab li huma mejta jew li jeħtieġ li jinżabru biex jifilħu aktar għall-elementi.

Id-Direttur Maniġerjali tal-Environment Landscape Consortium ikkonferma ma’ TVM li wara t-traġedja tas-Sibt li għadda, is-siġar f’din it-triq ġew eżaminati, bil-kumpanija qed tistenna l-permess biex fil-jiem li ġejjin taqla’ xi wħud mis-siġar li huma mejta u tiżbor oħrajn.

Siġar fi Triq Notabile l-Imrieħel sebħu b’żebgħa ta’ lewn jgħajjat fuq iz-zkuk. Dan wara li l-Environmental Landscape Consortium, l-ELC, li hija responsabbli mill-ġardinaġġ pubbliku wettqet stħarriġ biex tara hemmx bżonn ta’ xi interventi fuq is-siġar.

Id-Direttur Maniġerjali tal-ELC, Ronald Cuschieri, qal lil TVM li wara l-inċident tas-Sibt li għadda li qatel lil Dan Udrea saret spezzjoni tas-siġar f’din it-triq.  “Nafu li hemm xi siġar iridu jinqalgħu għax huma mejta. Nafu li hemm siġar li hemm bżonn isir intervent ta’ prunjar fuqhom biex meta jkun hemm l-elementi ma jitwettaqx pressure fuq is-siġra u nevitaw il-perikli,” kompla jgħid Dr Cuschieri.

Madwar għaxar siġriet ġew immarkati li jeħtieġu xi forma ta’ azzjoni. Id-Direttur Maniġerjali tal-ELC qal li għal uħud minnhom se jintalab permess tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi biex jinqalgħu għax huma mejta.

Dr Cuschieri qal li s-siġar f’din it-triq ilhom imħawla snin u jinkludu fikus u ewkaliptus, bħal dik li waqgħet fuq il-vettura li kien qed isuq ir-Rumen, Dan Udrea. Irrimarka li ħaddiema tal-ELC jagħmlu spezzjonijiet ta’ rutina lis-siġar.

“Kellna każi fil-passat fejn wara ċerti xogħlijiet ta’ toroq ġodda ma jkunx hemm fond biżżejjed fil-ħamrija l-għeruq jidħlu fil-fond u jkunu jistgħu jingastaw ruħhom b’mod sod… avolja kontra f’irjieħat u irwiefen kif kellna dan l-aħħar f’każ ta’ rwiefen jistgħu jinqalgħu sitwazzjonijiet sfortunati kif kellna. Mhux qed ngħid li s-sigar f’din it triq mhux imħawlin sew imma hemm ċertu sigar li m’għandhomx il-fond neċessarju biex ikunu b’sahhithom,” qal Dr Cuschieri.

Rapport finali dwar il-kundizzjoni tas-siġar fi Triq Notabile mistenni li jitlesta f’dawn il-ġranet, bit-tama li sa tmiem il-ġimgħa l-ELC jkollha l-permessi f’idejha biex tieħu l-azzjoni li hemm bzonn.

Ara wkoll:

AĠĠORNAT: Jitkellem ħabib ta’ Dan Udrea – ħbieb tal-vittma jiġbru l-flus għall-funeral

Il-kollegi ta’ Dan jgħidu li fejn sar l-inċident ma kinitx triqtu

Aħbarijiet Oħra
Ambjent

Ġie ffirmat ftehim bejn il-Gvern u l-Birdlife Malta dwar l-amministrazzjoni tas-Salini tal-Melħ fis-Salina. Bi ftehim mal-Gvern, il-Birdlife ser tmexxi dan is-sit li huwa l-ikbar riżerva naturali f’Malta. Is-Salini tal-Melħ fis-Salina,…

Agrikultura

Il-ġbejniet tradizzjonali Maltin mistennija jkunu aktar abbundanti b’tibdil fil-liġi li ser tippermetti raħħala żgħar kważi jirduppjaw il-produzzjoni tagħhom. Madankollu dal-pass xejn mhu jogħġob lir-raħħala u produtturi l-kbar li kienu obbligati…

NGOs

Qabel kiseb suċċess fil-karriera mużikali bħala tenur, Cliff Zammit Stevens għadda minn esperjenzi qarsa, b’ommu ssofri quddiemu vjolenza fiżika kontinwa fir-relazzjonijiet tagħha. Disa’ xhur wara mewtha, Cliff irrakkonta l-ġrajjiet koroh…

Kronaka

Raġel ta’ 41 sena weġġa’ gravi wara li ħabat bil-mutur fil-Fgura. L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.00 ta’ waranofsinhar fi Triq San Tumas. Il-Pulizija qalet li mill-ewwel tagħrif jirriżulta li seħħet ħabta…

Aktar