Azzjonijiet industrijali mill-ekwipaġġ tal-kabina tal-Airmalta minħabba l-ikel

Il-Membri tal-ekwipaġġ tal-Airmalta għaddejjin b’azzjonijiet industrijali u għalhekk il-passiġġieri se jingħataw biss servizz limitat fi protesta għat-tibdil fl-ikel li qed jingħata lill-ekwipaġġ stess.

Il-Union tal-Cabin Crew ħarġet direttivi lill-membri tagħha u akkużat lill-Airmalta li qed tikser il-ftehim kollettiv.

Dan għaliex, skond il-union, il-ftehim kollettiv jgħid li l-linja nazzjonali tal-ajru għandha tipprovdi ikliet xierqa lill-ekwipaġġ u mhux biss ‘baguette’ u nofs litru ilma kif mil-lum bdew jingħataw lill-passiġġieri u wkoll lill-ekwipaġġ.

Wara ftehim bejn l-Airmalta u l-kumpanija li tipprovdi l-ikel fuq it-titijiriet, Sky Gourmet, l-passiġġieri li jivvjaġġaw ‘economy’ qed jingħataw ‘baguette’ u nofs litru ilma waqt li xorb ieħor u ikel ieħor jista’ jinxtara abbord.

Bid-direttivi tal-union tal-cabin crew, l-ekwipaġġ mhuwiex qed iqassam dan l-ikel u x-xorb li jingħata bi ħlas.

L-Airmalta qalet lill-union li l-membri tal-ekwipaġġ għandhom jieklu bħall-passiġġieri, jew inkella jieħdu l-ikel magħhom.