COVID-19
Azzjonijiet industrijali mil-lum mit-tobba fl-isptarijiet u ċ-ċentri kollha tas-saħħa

L-Assoċjazzjoni Medika Maltija, MAM, u l-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, MUMN, ħabbru azzjoni industrijali fid-dawl li l-attivitajiet tal-massa ma twaqqfux milli jiġu organizzati waqt il-pandemija tal-Covid. Il-MAM ordnat sensiela ta’ direttivi lit-tobba tal-isptarijiet u ċ-ċentri tas-saħħa b’effett mil-lum, waqt li d-direttivi ordnati mill-MUMN fl-isptarijiet u d-djar tal-anzjani se jidħlu fis-seħħ min-nhar il-Ġimgħa.

It-tobba ngħataw struzzjonijiet mill-Assoċjazzjoni Medika Maltija, il-MAM, biex mill-Ħamis filgħodu jibdew josservaw għadd ta’ azzjonijiet industrijali fl-Isptar Mater Dei, l-Isptar t’Ghawdex, kif ukoll fiċ-ċentri tas-saħħa. Dawn l-azzjonijiet se jibqgħu fis-seħħ għal ġimgħa sħiħa.

Fi stqarrija, il-MAM tat struzzjonijiet lit-tobba biex jipposponu interventi kirurġiċi, appuntamenti fl-outpatients u appuntamenti għall-ultrasound, waqt li tobba vulnerabbli għandhom jevitaw li jkollhom kuntatt mill-qrib mal-pazjenti. It-tobba li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Emerġenza huma eżentati mid-direttivi, filwaqt li l-interventi urġenti fil-qalb jew b’rabta mal-kanċer għandhom isiru xorta waħda.

Ikkuntattjat minn TVM, il-President tal-MAM, Dr Martin Balzan, qal li jekk in-numru fil-każi lokali jibqa’ tiela’ se jkun hemm iżjed pajjiżi Ewropej li mhux se jaċċettaw titijiriet minn Malta jew jimponu kwarantina għal min jinżel minn Malta. Sostna li b’dan l-ammont ta’ każi attivi għoljin ebda pajjiz ma fetaħ għall-attivitajiet tal-massa u qal li kull min kellu dan il-livell ta’ numri, daħħal miżuri restrittivi.

Dr Balzan qal li fil-laqgħa li l-MAM kellha mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne l-Ħadd li għadda, iż-żewġ naħat kellhom bażi ta’ ftehim. Spjega li fl-aħħar sigħat Dr Fearne informa lill-MAM li wara laqgħa tal-Kabinett, il-Gvern biddel il-pożizzjoni tiegħu u issa se jħalli li jsiru attivitajiet tal-massa. Sostna li din il-pożizzjoni la hi tajba għall-poplu Malti u wisq inqas għal min jaħdem fis-settur tas-saħħa.

Intant, fi stqarrija maħruġa mill-Union tal-Infermiera u l-Qwiebel, l-MUMN, wara laqgħa li kellha l-Erbgħa mal-Ministru tas-Saħħa Chris Fearne, intqal li l-Gvern mhux lest iħassar l-attivitajiet tal-massa. L-MUMN sostniet li sal-lum il-Gvern ma kienx impenjat b’mod serju li jinforza l-avviżi legali li hargu dwar l-attivitajiet tal-massa. L-Unjin qalet ukoll li hija infurmata li jekk Malta tibqa’ tara żieda fil-każi matul is-sebat ijiem li ġejjin, din se tkun it-tieni mewġa tal-Covid u l-pajjiż ikun qed jirriskja li jmur għal lockdown parzjali bħalma ġara f’Marzu.

L-MUMN qalet li min-nhar il-Ġimgħa tat struzzjonijiet lill-infermiera membri tagħha biex josservaw sensiela ta’ azzjonijiet industrijali fl-isptarijiet u d-djar tal-anzjani. Dawn jinkludu ebda ħasil ta’ pazjenti, ma jiċċaqilqux pazjenti mis-sodda għall-pultruna u viċi versa, kif ukoll ma jwasslux pazjenti għall-x-rays u fit-teatri tal-operazzjonijiet.

L-MUMN tat struzzjonijiet ukoll biex il-membri tagħha ma jagħmlux żjarat fid-djar. Speċifikat li pazjenti fl-emerġenza, fl-ITU, fir-renal unit, fiċ-ċentru tal-onkoloġija Sir Anthony Mamo, fit-taqsima tal-kura intensiva tat-tfal u fis-swali tal-ħlas huma eżentati minn dawn id-direttivi.

Aħbarijiet Oħra

Il-viżjoni li tixpruna l-programm li tħejja għall-istaġun li jmiss ta’ Spazju Kreattiv taħseb biex tegħleb l-isfidi tal-Covid-19, bl-organizazzjoni ta’ 400 attività bis-sehem ta’ 320 artist u 17-il għamla ta’ arti…

Fil-Jum Dinji tat-Tindif, l-attivitajiet f’Malta kienu ffukati biex iwasslu messaġġ dwar il-ħsara li jagħmel il-plastik fil-baħar. Minn attivitajiet ta’ tindif f’erba’ bajjiet popolari, f’għodwa waħda nġabru ‘l fuq minn 150…

Aktar