Lokali
B’100,000 barrani f’Malta se tittieħed azzjoni kontra r-razziżmu u l-intolleranza

Bi kważi 100,000 barrani f’Malta, il-Gvern qed jipprova jindirizza ż-żieda fis-sentiment razzista, il-ksenofobiku u l-intolleranza bi pjan ta’ azzjoni li jkun fih azzjonijiet effettivi li ħafna minnhom jiffukaw fuq il-ħtieġa ta’ aktar għarfien u edukazzjoni.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rosianne Cutajar nediet konsultazzjoni pubblika ta’ xahar fuq il-pjan ta’ azzjoni nazzjonli kontra r-razziżmu u l-ksenofobija biex fi kliemha Malta tkun aktar ugwali u ħielsa mid-diskriminazzjoni.

Malta llum hija aktar multi-kulturali u kożmopolitana minn ftit tas-snin ilu tant li s-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat qal li l-aħħar ċifri ta’ Identity Malta juru li madwar persuna minn kull ħamsa li tgħix fil-gżejjer Maltin hija barranija.

“Aħna f’pajjiżna diġà għandna kważi 100,000 ruħ li mhumiex Maltin illi jgħixu fostna għal raġunijiet diversi, min qed jistudja hawn Malta, min jaħdem, min sempliċiment qed jirrisjedi hawnhekk, issa minn dik il-komunità għandek madwar 47,000 li mhumiex Ewropej,” qal is-Segretarju Parlamentari għaċ-Ċittadinanza u l-Komunitajiet, Alex Muscat.

Fl-isfont ta’ din il-qawsalla kulturali fis-soċjetà u ż-żieda nnutata fis-sentiment ta’ mibegħda razzjali, il-Gvern beda konsultazzjoni pubblika fuq pjan ta’ azzjoni nazzjonali kontra r-razziżmu u l-ksenofobija.

Id-dokument għall-konsultazzjoni tfassal bis-sehem ta’ grupp ta’ ħidma li jirrappreżenta firxa wiesgħa tal-komunitajiet u l-minoranzi f’Malta. Iċ-Chairperson tal-grupp, Alex Tortell spjega wħud mill-proposti mressqa sa issa.

“Illi nbidlu l-kultura fl-edukazzjoni biex it-tfal tagħna jikbru fis-sentiment u l-valuri ta’ anti-razziżmu, strutturi ta’ infurzar tal-liġi, l-integrazzjoni,” qal iċ-Chairperson tal-grupp ta’ ħidma dwar il-pjan, Alex Tortell.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi, Rosianne Cutajar, stiednet lill-pubbliku biex sad-9 tax-xahar id-dieħel jgħaddi l-ħsibijiet tiegħu dwar kif Malta tista’ tkun ħielsa mir-razziżmu, mid-diskriminazzjoni razzjali, il-ksenofobija u l-intolleranza.

“Malta aktar ugwali billi l-ewwel u qabel kollox ikun hemm aktar għarfien u tkun Malta iktar ugwali billi jkun hemm strateġija bi proposti konkreti illi twassal biex aħna lkoll f’pajjiżna ngħixu tajjeb fil-preżenza ta’ xulxin u dik twassal għal Malta aktar ugwali,” qalet is-Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza u r-Riformi Rosianne Cutajar.

Il-Kummissarju Ewropew għall-Ugwaljanza, Helena Dalli qalet li hija sodisfatta ħafna li Malta hija l-ewwel stat-membru fl-Unjoni Ewropea li qed tfassal din it-tip ta’ azzjoni, ġimgħatejn biss wara li l-Unjoni Ewropea varat l-istrateġija Ewropea kontra r-razziżmu.