Budget
Baġit 2020: 23 miżura ġdida fil-qasam soċjali – il-Ministru Michael Falzon

Il-Ministru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li fil-baġit għas-sena d-dieħla l-Gvern ser jimplimenta 23 miżura ġdida fil-qasam soċjali biex filwaqt li jippremja lil familji li huma bieżla jkompli jwieżen lill-pensjonanti u persuni b’diżabilità.

Fis-sensiela ta’ konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministeri bit-tema tal-Baġit, Malta inkomplu nikbru flimkien, il-Ministru tal-Familja u s-Solidarjetà Soċjali Michael Falzon qal li 23 miżura fil-qasam soċjali li tħabbru fil-baġit ser ikomplu jsaħħu l-kwalità tal-ħajja tal-Maltin u l-Għawdxin.

Is-Segretarju Parlmentari Anthony Agius Decelis spjega li żdiedet l-allowance għall-persuni b’diżabilità severa li ser tkun daqs il-paga minima nazzjonali biex dawn jgħixu b’dinjità. Qal li ser jingħataw tmien snin bolol lill-ġenituri ta’ tfal b’diżabilità severa jew mard rari. Huwa qal li ser jingħata taħriġ lill-ħaddiema fis-settur biex is-servizzi li jingħataw lill-persuni b’diżabilità jkunu tal-ogħla livell.

Is-Sur Agius Decelis qal li ż-żieda fin-nefqa għall-qasam tal-anzjani ser titla’ b’€24 miljun oħra filwaqt għall-persuni b’diżabilità n-nefqa telgħet b’sitt miljuni oħra. Il-baġit tal-Ministeru tas-Solidarjetà Soċjali huwa l-akbar wieħed u jiskorri sew l-elf miljun ewro.