Politika
“Baġit tal-lum biss ta’ Gvern bla viżjoni u strateġija” – l-ewwel reazzjoni tal-Kap tal-Oppożizzjoni

Fl-ewwel reazzjoni tiegħu, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech qal li dan hu budget li hu għal lum biss. Sostna li hu budget bla ebda strateġija u ebda sens ta’ direzzjoni. Dr Grech qal li dan hu budget mhux kredibbli u li l-Gvern falla bil-kbir fil-miri finanzajrji tiegħu.

Irrimarka li l-Gvern ma rnexxilux iwettaq miżura waħda minn tlieta li wiegħed is-sena l-oħra. Bernard Grech qal li l-Gvern dejjen lill-pajjiżna. Kompla jgħid li dan il-budget nesa nies bħat-tobba, l-infermiera, l-LSEs u l-pulizija.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan il-budget m’għandu l-ebda viżjoni fuq il-manifattura, it-turiżmu u s-servizzi finanzjajrji u qal li l-Gvern alloka biss nofs miljun fuq setturi ġodda.

Bernard Grech qal li dan il-budget m’għamel xejn biex irażżan l-għoli tal-ħajja u min qed ibati mhux ikun imwieżen minn dan il-Gvern li qal berbaq kollox fuq il-korruzzjoni u l-konsulenzi.

Bernard Grech qal li l-Gvern ta ewro u ħamsa u sebgħin ċenteżmu għall-għoli tal-ħajja, imma għall-Vitals kellu l-miljuni.

Dr Grech qal li ħa pjaċir li l-Gvern ħa l-idea ta’ proġett ta’ afforestazzjoni u wkoll l-proposta tal-Partit Nazzjonalista għal żidiet fl-istipendju.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li l-ġimgħa d-dieħla fir-risporta tiegħu fil-Parlament se jkollu ċ-ċans jispjega l-viżjoni tal-Oppożizzjoni ta’ kif l-ekonomija se tirkupra wara l-pandemija.