“Bandiera ħadra” għall-iskejjel

The President delivers the closing speech during the EkoSkola Green Flag Award Ceremony   06/06/2016

L-edukazzjoni ambjentali qed kull ma jmur taqbad l-art speċjalment fost l-istudenti bis-saħħa tal-proġett eko skola. Diversi skejjel kisbu għarfien internazzjonali għas-sehem tagħhom f’eko skola li trawwem ideat favur l-ambjent  fl-istudenti.

Għalkemm għadhom żgħar fl-età … l-istudenti għandhom ideat ċari ta’ x’għandhom jagħmlu biex itejbu l-ambjent.

Min qal li għandna nieħdu ħsieb l-ambjent għax għandna bżonnu aħna u dawk li ġejjin warajna, min saħaq fuq il-ħtieġa li nirriċiklaw u biex inaqqsu l-iskart li nipproduċu u min fakkar lil kulħadd li dinja waħda għandna biex ngħixu fiha u għalhekk irridu nieħdu ħsiebha.

Il-ħidma li wettqu l-istudenti f’36 skola favur l-ambjent ġiet rikonoxxuta bil-premju internazzjonali tal-Bandiera l-Ħadra. Erba’ skejjel oħra ngħataw is-Silver Award. Għaxar skejjel ħadu għarfien ukoll talli iddistingwew lilhom infushom fil-programm ta’ tagħlim dwar il-foresti – LEAF.

Ir-rikonoxximenti ngħataw f’ċerimonja fil-Palazz tal-President, organizzata minn Nature Trust li tikkordina l-programmi internazzjonali ta’ edukazzjoni għal żvilupp sostenibbli.

Il-President Marie-Louise Coleiro Preca qalet li t-tfal qed juru lill-kbar li ma jistgħux jagħlqu għajnejhom għal dak li hemm bżonn isir f’dan il-pajjiż dwar l-ambjent. Fi kliemha, t-tagħlim li l-istudenti fl-eko skola qed jiżviluppa f’għerf u jekk sentejn ilu kienu jitkellmu li għandhom bżonn aktar spazji, siġar u pjanti, illum qed jisħqu li d-diskussjoni tkun fuq l-emissjonijiet tat-traffiku, it-tniġġiż tal-arja u l-ħsejjes. Hija raddet ħajr lill-Nature Trust għall-ħidma li wettqet u ħeġġet lill-istudenti biex ikomplu jaħdmu u jfakkru lill-kbar li l-ambjent hu misluf lilhom u għalhekk għandhom responsabbilità li jieħdu ħsiebu.